Lokali

Editorjal: Owen Bonnici mingħajr l-iċken deċenza

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici għada, 3 t’Ottubru, se jitressaq quddiem il-Qorti mixli mill-Pulizija b’akkużi kriminali li saq b’negliġenza u li b’mod involontarju kkawża ġrieħi gravi fuq persuna oħra f’inċident tat-traffiku f’April li għadda f’Santa Venera. Il-Pulizija qed jitolbu lill-Qorti li tagħti l-piena ta’ ħabs u/jew multa skont il-liġi lill-Ministru tal-Ġustizzja u pieni oħrajn dwar sewqan li l-Qorti jidhrilha xierqa.

Id-deċenza minima kienet titlob riżenja
Il-Ministru tal-Ġustizzja f’dan il-każ li ilu għaddej ħames xhur ma wera l-ebda deċenza. Għax id-deċenza u l-accountability li tant ippriedka hu stess u l-Prim Ministru tiegħu Joseph Muscat kienet titlob li għallinqas il-Ministru tal-Ġustizzja jirriżenja sakemm jinqata’ l-każ.

L-eżempju ineċċepibbli ta’ Chris Said
Il-Ministru tal-Ġustizzja kellu eżempju fuqiex jimxi, mhux biss barra minn Malta f’pajjiżi serji imma wkoll l-eżempju ineċċepibbli u ammirat ta’ Chris Said li fl-2010 irriżenja hekk kif sar jaf li kien se jitressaq il-Qorti sakemm ġie dikjarat innoċenti.

Il-kuntrasti
Ejja naraw il-kuntrasti bejn Chris Said u Owen Bonnici.

Riżenja mill-ewwel kontra ħabi u rifjut
Chris Said irriżenja hekk kif sar jaf li se jitressaq il-Qorti fuq ilment ta’ parti f’kawża ċivili li kienet kontra klijenti ta’ Chris Said bħala avukat. Fil-fatt, irriżenja għas-sorpriża kbira tal-ġurnalisti li ma kienu jafu b’xejn. Min-naħa l-oħra, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, li għal kull ħaġa ta’ xejn imur għand il-ġurnalisti, ħeba l-każ li fih kien involut u li fih kien hemm vittma. U meta l-media saret taf u staqsewh hux se jirriżenja bħalma għamel Chris Said, qal li le, se jibqa’ Ministru tal-Ġustizzja.

L-akkużat jista’ jagħti promozzjoni lil min se jiġġudikah!
Kuntrast ieħor hu li Chris Said ma kienx Ministru tal-Ġustizzja imma biss Segretarju Parlamentari u għal oqsma li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ġustizzja. Ma kellu l-ebda poter fuq il-Maġistrat li ttella’ quddiemu. Mhux hekk il-Ministru tal-Ġustizzja. Owen Bonnici għada se jkun fil-bank tal-akkużati quddiem Maġistrata li hu stess jista’ jagħtiha promozzjoni għal Imħallef. Bil-poter ta’ Ministru tal-Ġustizzja li żamm f’idejh għal dawn l-aħħar ħames xhur u li se jkollu f’idejh dak il-ħin stess, l-akkużat jista’ jagħti promozzjoni għal Imħallef lil min se jiġġudikah! Din hi l-gravità tal-ħaġa.

Tnaqqir tal-fiduċja fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja
X’fiduċja jista’ jkollhom in-nies fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, meta l-Ministru tal-Ġustizzja ma jirriżenjax imqar temporanjament meta se jkun l-akkużat quddiem Maġistrata li hu bħala Ministru jista’ jippromwoviha għal Imħallef? Din hi l-gravità li qed ngħixu ta’ Gvern Laburista u Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici mingħajr l-iċken deċenza.