Qorti

Għada l-Qorti tiddeċiedi dwar il-libertà proviżorja tal-kaċċaturi wara l-protesta ta’ Jum l-Indipendenza

Għada filgħodu l-Qorti se tiddeċiedi jekk tagħtix il-libertà proviżorja fil-konfront tad-disa’ kaċċaturi li nżammu taħt arrest preventiv mill-Maġistrat Marseanne Farrugia wara li ġew mixlijin li xewwxu u wettqu konġura, kif ukoll li ftehmu biex iwettqu reat protesta li saret minnhom f’Jum l-Indipendenza. Il-kaċċaturi huma tnejn minn Ħaż-Żabbar, tnejn minn Wied il-Għajn, Għawdxi, wieħed miż-Żurrieq, Rabti, ieħor minn Ħad-Dingli, ieħor mill-Mosta u ieħor minn Birkirkara.

Waqt is-smigħ tal-lum, xehdu erba’ persuni, fosthom żewġ ġurnalisti. L-ewwel xhud kien Ivan Martin, ġurnalist ma’ Allied Newspapers, li qal li dakinhar tal-każ kien irċieva telefonata mill-Editur tiegħu Mark Micallef, li qallu li kienet qed issir protesta minn xi kaċċaturi. Qal li mar fil-post, fejn ra grupp ta’ madwar 100 persuna. Fil-bidu deher kollox miexi sew, iżda meta tela’ fuq it-taraġ ta’ Pjazza Teatru Rjal, il-kaċċaturi donnhom ma ħadux pjaċir u tefgħulu xi oġġetti qabel ma baqgħu mexjin lejn Pjazza San Ġorġ. Qal li l-kaċċaturi bdew jiżdiedu u telgħu għal madawar 200. Anke l-Pulizija bdew jiżdiedu meta beda jgħaddi l-ħin.

Ix-xhud spjega li minn fost id-dimostranti, bejn 10 u 15 dehru ferm agressivi, għalkemm kważi kulħadd deher frustat. Qal li deher li wħud mill-kaċċaturi ma bdewx jieħdu pjaċir meta beda jieħu xi ritratti bil-mobile, tant li persuna minnhom, li għaraf bħala David Spagnol, għamillu mossa bħal meta wieħed irid iħanxar għonq xi ħadd. Qal li qala’ daqqa ta’ sieq f’ġenbu mingħand xi ħadd li ma għarafx. Spjega li d-dimostranti bdew ikantaw u jgħajjru lill-Prim Ministru, filwaqt li jgħidu kliem diżpreġġjattiv fil-konfront tal-Partit Laburista u ntefgħu xi bottijiet tal-birra lejn il-Każin Laburista.

Ivan Martin qal li wara qagħad mal-Pulizija, li tawh il-protezzjoni kollha tagħhom. Qal ukoll li anke fejn Kastilja, minn fejn spiċċat il-protesta, kien hemm min ħaseb li forsi il-Prim Ministru qiegħed hemm u għalhekk bdew ukoll jgħajjruh. Qal ukoll li Spagnol kellu wkoll arma finta, li kienet ukoll f’idejn xi dimostranti oħrajn.

Min-naħa tiegħu, il-fotografu Chris Sant Fournier qal li sa ħdejn il-bank APS kollox kien trankwill u kien hemm persuna li qaltlu jekk hux favur jew kontra l-kaċċa. Hu ma weġibx u kien hemm min beda joffendieh. Qal li xi ħadd li ma għarafx ipprova wkoll idaħħallu subajh f’għajnejh.

Xehed ukoll il-fotografu Mark Zammit Cordina, ukoll mill-Allied Newspapers, li bħala prova ppreżenta videos tal-protesta.

Finalment, xehed l-Ispettur Stephen Mallia, li spjega kif seħħew l-affarijiet. Qal li sar jaf b’dak li kien se jiġri minn fuq Facebook.

Il-Prosekuzzjoni hi mmexxija mill-Ispetturi Daryl Borg, l-Ispettur Jurgen Vella u Edel Mary Camilleri flimkien mas-Supretendent Carmelo Bartolo, filwaqt li għall-kaċċaturi qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Michael Sciriha, Lucio Scirha, Anthony Cutajar, Shazoo Ghaznavi.