Pasqualino Cefai, ta’ 34 sena miż-Żebbuġ Għawdex u li f’Ġunju li għadda kien kundannat seba’ snin ħabs wara li nstab ħati li ħebb b’mus u weġġa’ gravi lil Joseph Portelli f’awla tal-Qorti, mistenni jerġa’ jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin. Hu mistenni jkun mixli li kien agressiv fil-Qorti tal-Maġistrati, li kienet qed tiġi ppreseduta mill-Maġistrat Miriam Hayman.
Cefai mistenni jiġi mixli li qal kliem ħażin fl-awla, li rreżista ħames membri tal-Korp tal-Pulizija u f’ħin minnhom resaq lejn id-direzzjoni tal-Maġistrat meta suppost kien fl-iżbarra waqt li kien għaddej proċeduri dwar każ relatat mad-droga. Hu mifhum ukoll li Cefai qatta’ l-ġlekk tiegħu stess fil-Qorti għax l-Avukat li kellu baqa’ ma tfaċċax.
L-Imħallef Michael Mallia, li kien ippreseda l-ġuri, bagħat lil Cefai ħames snin ħabs minħabba l-każ ta’ feriment, sitt xhur oħra talli kiser il-libertà proviżorja u 18-il xahar minħabba sentenza sospiża. Il-ġurati kienu wkoll waslu għad-deċiżjoni li Cefai ma kienx ħati ta’ attentat ta’ qtil fuq Portelli, iżda ħati biss li kkaġunalu feriti gravi.
//= $special ?>

