Pasqualino Cefai ta’ 34 sena miż-Żebbuġ, Għawdxi, li f’Ġunju li għadda kien kundannat seba’ snin ħabs wara li nstab ħati li ħebb b’mus u weġġa’ gravi lil Joseph Portelli f’awla tal-Qorti, ġie mixli fil-Qorti tard il-Ħamis filgħaxija li ħebb għall-Maġistrat Maġistrat Miriam Hayman.
Huwa ġie mixli wkoll li ħebb għal tliet Spetturi, Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija. L-inċident seħħ il-Ħamis wara nofs inhar għall-ħabta tal-11.30 p.m. meta kien qed jiffaċċa każ fuq “overdrafts” tal-bank. Cefai li tressaq quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona ġie mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il-Kuntistabbli Ryan Borg Ungaro u li kisser ħġieġa tal-Qorti waqt li kellu xi jgħid mal-Pulizija.
Cefai li deher il-Qorti b’rasu nfaxxata wara li huwa mifhum li ħabbatha mal-ħajt waqt li kien fil-“lock-up” tal-Pulizija minħabba li stat ta’ aġitazzjoni li kien fih kien mixli wkoll li inġurha u hedded lill-istess Maġistrat u lill-Pulizija, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li ħebb għall-Ispetturi Johann Fenech, Kevin Pulis u Dennis Thuema u l-Kuntistabblu Duncan Demicolo u Ryan Borg Ungaro.
Huwa ġie mixli wkoll li qal kliem li jikkonsisti f’dagħa u li sar reċidiv. Minkejja li jinsab il-ħabs l-Avukati Noel Bianco u Silvio Brincat għamlu talba għal liberta’ proviżorja, li kienet miċħuda mill-Qorti.
L-Avukati talbu wkoll biex jibqa’ jagħmel xogħol fil-ħabs kif qed jagħmel illum fejn qed jaħdem fil-forn tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti qalet li dan huwa fid-diskrezzjoni tad-Direttur tal-ħabs. Cefai kien instab ħati f’ġuri li sar din is-sena u mar seba’ snin ħabs wara li kien ikkaġuna feriti gravi fuq persuna oħra.
L-Imħallef Michael Mallia li kien ippreseda l-ġuri, kien ikkundanna lil Pasqualino Cefai ħames snin priġunerija minħabba l-każ ta’ feriment, sitt xhur oħra talli kiser il-libertà proviżorja u 18-il xahar minħabba sentenza sospiża. Il-ġurati kienu wkoll waslu għad-deċiżjoni li Cefai ma kienx ħati ta’ attentat ta’ qtil fuq Portelli iżda ħati biss li kkaġunalu feriti gravi. Fil-każ li seħħ fl-awla tal-Maġistrat Hayman, il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg.
//= $special ?>

