Minn George Cassar
TARXIEN RAINBOWS…………3
BIRKIRKARA …………….1
Tarxien R.: J. Debono, A. Cini, R. Sammut, A. Lopes, O. Bugeja, M. Tabone (J. Silva 69’), T. Caruana, F. Aboulezz, Branquinho (M. Xerri 93’), Clebinho (K. Farrugia 94’), W. Pipico
Birkirkara: J. Haber, E. Herrera (L. Grech 61’), Z. Muscat, N. Vukanac, M. Bissi, E. Agius, P. Fenech, R. Scicluna, Liliu (A. Borg 90’), R. Ledesma, Eliandro (K. Zammit 75’)
Skorjaw : Clebinho 24’, Branquinho 33’, 91’ (T); Liliu 35’ (B)
Imwissija: R. Sammut, F. Aboulezz, O. Bugeja (T)
Referee: Mario Apap
In-Nazzjon plejer tal-partita: Clebinho (T)
Tarxien wettqu sorpriża kbira meta taw it-tieni telfa tal-kampjonat lil Birkirkara.
Għar-Rainbows spikkaw il-Brażiljani f’kull dipartiment. Fuq wara Lopes kien surmast fid-difiża, filwaqt li fl-attakk it-trio Pipico, Branquinho u Clebinho ma waqfu xejn u bil-ġirjiet tagħhom frustraw mhux ftit lid-difiża Karkariża.
Fuq in-naħa l-oħra, l-Karkariżi li ħasbu li wara r-rebħa tal-Ħadd kontra Mosta, l-affarijiet bdew jitranġaw, żgur li wara l-wirja diżappuntanti tal-bieraħ, indunaw kemm marru mqarrqin. Għat-tim ta’ Paul Zammit ftit li xejn iffunzjonaw affarijiet u t-tliet attakkanti Brażiljani – Ledesma, Eliandro u Liliu – ftit ikkonkludew, filwaqt li l-Maltin, speċjalment dawk imsejħa fl-iskwadra nazzjonali ta’ Ghedin, moħħhom donnu li kien diġà fiż-żewġ konfronti tat-tim nazzjonali kontra n-Norveġja u l-Italja.
Tarxien marru fil-vantaġġ meta fil-25 minuta, Pipico għamel ġirja tajba max-xellug, għadda lil CLEBINHO li b’xutt imkaxkar għeleb lil Haber.
Fit-tieni azzjoni tagħhom fil-logħba Tarxien reġgħu skorjaw meta Clebinho għeleb l-offside, ssupera d-difiża Karkariża u xżħin wasal quddiem Haber, xeħet għan-nofs lejn BRANQUINHO li skorja t-tieni gowl.
Birkirkara rreaġixxew mill-ewwel u żewġ minuti wara naqqsu d-distakk. Muscat, li kien qed jieħu post Camenzuli fuq il-linja difensiva tax-xellug, ikkrossja lil LILIU li xxuttja mill-ewwel fix-xibka ta’ Debono.
Birkirkara ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima meta freekick mill-bogħod ta’ Bissi kien salvat minn Debono b’Ledesma jfalli r-rebound barra. Il-Karkariżi ikkonkludew minn xutt ta’ Liliu u daqqa ta’ ras iżda żgur ma setgħux jitqiesu theddida għal Debono.
Bil-Karkariżi żbilanċjati fl-attakk, il-Brażiljani ta’ Tarxien iktar u iktar fil-vena li kienu fiha, bdew jaħarbu kif iridu bil-kontrattakki tant li l-Karkariżi ma setgħux jaqbdu art magħhom. F’wieħed minn dawn il-kontrattakki, minn pass fit-tul ta’ Jorge Silva, BRANQUINHO kellu ħarba veloċi u malli wasal quddiem Haber qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper Karkariż għat-tielet gowl Tarxiniż u kompla żied il-melħ fuq il-ferita għal Birkirkara li wara l-waqfa jridu jaffaċċjaw liċ-Champions Valletta.
//= $special ?>

