Lokali Parlament

Il-posponiment tal-ftuħ tal-bini tal-Parlament: każ ieħor tal-inkompetenza ta’ Joe Mizzi – il-PN

L-aħbar li l-Gvern ma żammx mad-data biex ilesti l-proġett tal-Parlament il-ġdid hija eżempju ieħor tal-inkompetenza tal-Ministru Joe Mizzi.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li dan huwa każ ieħor li għalih, il-Ministru Joe Mizzi għandu ħafna xi jwieġeb. F’sena u nofs, il-Ministru Joe Mizzi waqa’ lura fuq numru ta’ proġetti. Fost dawn hemm il-proġett tal-Coast Road, kif ukoll il-proġett tal-flyover tal-Kappara. L-istess Ministru ħela sitt xhur biex jiddeċiedi x’se jagħmel bil-bini tal-Parlament il-ġdid, u wara li ħalla lill-Arriva titlaq minn Malta, se jkun dam sena biex idaħħal servizz ġdid ta’ trasport pubbliku.

Dwar il-każ tal-Parlament il-ġdid, tkompli tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista, il-Ministru Joe Mizzi jrid iwieġeb u jispjega għalfejn ma żammx mal-wegħda li għamel hu stess f’Lulju li għadda meta wiegħed li l-proġett se jkun lest sal-aħħar ta’ Settembru.

Joe Mizzi, minflok iwieġeb dawn il-mistoqsijiet, għażel li jaħrab u ma jattendix għall-laqgħa tal-Kumitat tal-Affarijiet tal-Parlament, minkejja li kien wiegħed li se jattendi. Dan huwa sinjal ieħor tal-inkompetenza tal-Ministru Joe Mizzi, itemm jgħid il-Partit Nazzjonalista.