Lokali

Aġġornata: Is-suldati fl-attentat ta’ serqa fil-Bubbles Bathrooms mistennija jitressqu l-Qorti llum

Fis-sigħat li ġejjin, il-Pulizija mistennija tressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex iż-żewġ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta b’rabta ma’ attentat ta’ serqa kbira mill-istabbiliment Bubbles Bathrooms, li jinsab fir-Rabat Għawdex. Dan wara li s-suldati, li huma mill-Belt u eks plejer tal-futbol mix-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar, inżammu għal kważi 48 siegħa fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat. Huma kienu qed jiġu interrogati regolarment.

Barra minhekk, fl-aħħar żviluppi, il-Pulizija arrestat ukoll it-tielet persuna b’rabta mal-istess każ. Radio 101 jinsab infurmat li t-tielet persuna hu Għawdxi min-Nadur, li wkoll hu suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta. Hu kien interrogat fis-sigħat li għaddew mill-Pulizija ta’ Għawdex.

Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela li fis-safe li l-ħallelin ippruvaw jisirqu kien hemm b’kollox madwar €170,000, filwaqt li fl-art ħdejn is-safe kien hemm ukoll kaxxa tal-ħadid, li fiha kien hemm madwar €3,000 f’muniti. Iż-żewġ suldati li qed jgħinu fl-istħarriġ huma wieħed mill-Belt u l-ieħor eks plejer tal-futbol li joqgħod ix-Xgħajra ta’ Ħaż-Żabbar.