Internazzjonali

Jikkundannaw taħditiet lejn soluzzjoni tal-kriżi

IL-LIBJA: Il-milizzji Iżlamiċi li qed jikkontrollaw l-akbar bliet tal-Libja ikkundannaw l-aħħar taħditiet sponsorjati min-Nazzjonijiet Uniti li huma intiżi lejn it-tmiem tal-kaos u d-diżgwid li pparalizzaw il-pajjiż.

Il-koalizzjoni tal-milizzji fi Tripli, magħrufa bħala ż-Żerniq Dehbi, iddikjarat li se tkompli ‘bl-azzjonijiet militari’, waqt li moviment ieħor – ix-‘Shura tar-Rivoluzzjonarji ta’ Benghazi’ li jinkorpora l-gruppi tal-jihadisti u entitajiet oħra — ħareġ stqarrija fejn ċaħad l-inizjattiva mit-taħditiet bħala ‘waħda mhix xierqa’.

Tnax il-membru minn kull wieħed fost iż-żewġ Gvernijiet tal-Libja – dak tal-Prim Ministru Abdullah al-Thani li hu bbażat f’Tobruk u l-Gvern ta’ Tripli appoġġjat mill-Iżlamiċi u li hu mmexxi minn Omar al-Hassi — ħadu sehem fl-aħħar djalogu li kien appoġġjat min-NU, fil-belt ta’ Ghadames.

Dakinar tat-taħditiet, Bernardino Leon, ir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, irrefera għal ftehim biex jinbeda proċess politiku li jindirizza l-kwistjonijiet kollha b’mod paċifiku. Hu semma wkoll impenn qawwi biex il-ġlied jieqaf għal kollox tul il-pajjiż.

Sadanittant, sa tnax il-suldati Libjani tilfu ħajjithom, ilbieraħ, b’kaġun ta’ attakk suwiċida u sensiela ta’ battalji fl-inħawi ta’ Benghazi. Irriżultaw ukoll l-għexieren tal-feruti, bl-attakk suwiċida jseħħ meta żewġ karozzi-bomba splodew quddiem checkpoint tal-Armata qrib l-ajruport ta’ Benghazi. Mifhum li mietu wkoll numru ta’ suldati waqt il-konfronti mal-militanti Iżlamiċi fl-istess inħawi.