Internazzjonali Lokali

Aġġornata: Mexxej ta’ Cosa Nostra arrestat f’Malta

Mexxej tal-mafja Cosa Nostra ġie arrestat f’Malta. Rapporti fis-sit elettroniċi Taljani tal-aħbarijiet, li qalu li Sebastiano Brunno kien arrestat f’pajjiżna, kienu kkonfermati mill-Pulizija f’Malta. Il-ħidma kienet ikkordinata mill-Pulizija Taljana. Il-ħidma bejn iż-żewġ pajjiżi, u li wasslet għall-arrest ta’ Brunno, kienet awtorizzata minn Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Sebastiano Brunno, ta’ 56 sena u li ġie arrestat f’Tas-Sliema, ilu mfittex għal omiċidju mill-2009 u kien wieħed mill-protagonisti fil-vendetta mdemmija li l-mafja għamlet fis-snin disgħin. Brunno diġà għandu sentenza ta’ priġunerija għal għomru, filwaqt li għandu quddiemu wkoll numru ta’ akkużi dwar atti oħrajn.

L-arrest ta’ Brunno jsegwi dak ta’ Aldo Gionta, mexxej tal-Camorra, li f’Mejju li għadda kien arrestat mill-Pulizija Taljana qabel ma tela’ fuq catamaran biex jiġi lejn Malta. Gionta, li għandu 42 sena, kien arrestat ma’ tliet kompliċi tiegħu meta kienu se jitilgħu fuq il-vapur taparsi bħala turisti. Huma kellhom fuqhom Karti tal-Identità foloz u anke flus.