L-UNJONI EWROPEA: Kien hemm intopp għall-ħatra tal-Kummissjoni l-ġdida ta’ Jean Claude Juncker. Dan wara li feġġet firda fost il-Membri Parlamentari Ewropej rigward il-konferma tan-nomina tal-Kummissarji mir-Renju Unit u Spanja u aktarx Franza wkoll.
Jonathan Hill, li kien nominat Kummissarju għas-settur finanzjarju, intalab imur għal ‘grilling’ ieħor il-ġimgħa d-dieħla filwaqt li l-Ħodor u x-Xelluġ dewmu l-approvazzjoni tal-Ispanjol Miguel Arias Canete li kien nominat Kummissarju għall-qasam tal-enerġija u l-klima. Dan wara li kien hemm oġġezzjoni għar-rabtiet li hemm fil-familja tiegħu mal-industrija taż-żejt.
B’reazzjoni għal dak li ġara fil-każ ta’ Canete, iċ-Ċentru Lemin hedded li jimblokka l-approvazzjoni għan-nomina Franċiża, is-Soċjalista Pierre Moscovici u li hu mniżżel biex ikun il-Kummissarju Ewropew inkarigat mill-Ekonomija.
Fil-każ ta’ Hill hemm is-suspetti minħabba r-rabtiet tiegħu mal-qasam finanzjarju f’Londra kif ukoll peress li se jkun responsabbli għaz-zona ewro meta r-Renju Unit ma kinitx tuża l-ewro.
Il-Kummissjoni l-ġdida trid tkun approvata kollha kemm hi u mhux individwalment u dan irid isir sat-22 ta’ Ottubru biex tieħu l-ġurament tal-ħatra fl-1 ta’ Novembru.
//= $special ?>