Internazzjonali

Tirranka t-tensjoni fost il-konfronti bejn attivisti u pulizija

HONG KONG: L-aħħar indikazzjonijiet minn din l-eks-kolonja Brittanika huma li Leung Chun-ying qed jirrifjuta li jwarrab bħala Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong u skont ma qed jinsistu id-dimostranti li jridu id-demokrazija fit-territorju.

Id-dimostranti fosthom numru ta’ studenti, iċċirkondaw żewġ bini tal-Gvern fit-territorju u Leung wissa li l-Pulizija lesta li tirreaġixxi għal kull attentat tal-attivisiti biex jokkuppaw il-kumplessi tal-amministrazzjoni.
Madanakollu, Leung qal li l-Gvern tiegħu lest li jitkellem mad-dimostranti u indika li d-djalogu mal-Kapijiet tal-istudenti jista’ jibda minn ħin għall-ieħor, u fejn jitrattaw numru ta’ riformi politiċi.

Sadattant, it-tensjoni żdiedet fid-distrett ċentrali ta’ Hong Kong li jinkludi l-Uffiċċju tal-Gvern, fost rapporti kontinwi dwar ġlied bejn il-pulizija u d-dimostranti li jridu d-demokrazija.

L-istudenti komplew jinġabru, ilbieraħ, barra l-Uffiċċju tal-Gvern, fejn insistew biex Leung Chun-ying jagħti r-riżenja tiegħu sa nofsillejl. Intant, il-pulizija ħejjew tagħmir għal kontra l-irvellijiet, bl-attivisti jinsistu li huma kienu lesti biex jokkupaw il-bini tal-amministrazzjoni f’każ li Leung jinjora t-talbiet tagħhom.

Id-dimostranti huma rrabjati dwar il-pjan taċ-Ċina Komunista biex tipproċessa l-kandidati li fil-fehma tagħha huma validi biex jikkontestaw l-elezzjoni tal-2017 għall-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong. Dan meta l-membri tal-moviment favur id-demokrazija jridu d-dritt tal-għażla totali f’dik l-elezzjoni partikulari.

Il-Pulizija għamlitha ċara li ma kellhiex tibqa’ tħares lejn sitwazzjonijiet fejn id-dimostranti jistgħu jinfiltraw iz-zoni pprojbiti fil-kumpless fejn hi bbażata s-sede tal-Gvern. Dan waqt li l-pulizija qalu lill-istampa li huma kienu ħejjew il-gass tad-dmugħ u l-balal tal-gomma li kellhom jintużaw ‘definittivament’ f’każi ta’ emerġenza.

Il-pulizija u l-Gvern ta’ Hong Kong kienu diġà kkritikati bl-aħrax dwar l-użu ta’ gass tad-dmugħ fuq id-dimostranti, fi tmiem il-ġimgħa.