Lokali Sport Sport Ieħor

AĠĠORNATA: Attività ta’ drifting se ssir f’Ħal Far minflok fl-istabbiliment Montekristo

Aġġornata

L-attivita’ ta’ drifting ‘King of Kings’ li kellha sir fl-istabbiliment Monte Kristo kellha tiċċaqlaq għal Ħal Far wara deċiżjoni li ttieħdet tard illejla.

Aktar kmieni, fi stqarrija, l-Island Car Club, li torganizza din l-attivita’, qalu li din l-attivita’ hija waħda kbira grazzi għal FM Promotions u l-Malta Drifting Association u r-reputazzjoni tal-pajjiż kienet se tonqos li kieku ma tinstabx soluzzjoni.

16:25 L-attività ta’ drifting “King of Kings”, li kellha tibda llum waranofsinhar spiċċat f’nofs kontroversja bejn il-Gvern u Charles Polidano, is-sid tal-istabbiliment MonteKristo. Din kienet ir-reazzjoni tal-organizzatur tal-avveniment Adrian Figallo wara li l-Pulizija ma ħarġitx il-permess minħabba oġġezzjoni min-naħa tal-MEPA.

Il-każ beda t-Tlieta li għadda, tlett ijiem qabel tibda l-attività, meta l-Pulizija ħadet il-flus tal-applikazzjoni tal-permess, iżda l-permess ġie miċħud minħabba l-oġġezzjoni tal-MEPA. Adrian Figallo qal li għall-bidu, il-pożizzjoni tal-MEPA kienet li ma jkunx hemm oġġezzjoni sakemm l-avveniment ikollu l-permessi u l-poloz tal-assigurazzjoni meħtieġa. Madankollu, għal xi raġuni l-MEPA biddlet l-opinjoni u oġġezzjonat għall-permess għax il-post fejn se ssir għandu Avviż ta’ Infurzar.

Figallo qal li l-intenzjoni tal-Gvern li permezz tal-MEPA jattakka lill-propjetarju Charles Polidano dehret ċara fil-laqgħa tal-Bord tal-Appell tal-Liċenzji tal-Pulizija. Waqt il-laqgħa, sostna Figallo, il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttigieg qal ċar u tond li jekk Polidano jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu, il-MEPA twaqqa’ l-oġġezzjoni tagħha. Madankollu, Figallo staqsa għaliex kien propju dan l-avveniment li twaqqaf filwaqt li oħrajn ma twaqqfux. Qal li l-Gvern kien ilu jaf b’din l-attività għal diversi xhur u saħansitra għandu żewg entitajiet tiegħu li qed jisponsorjaw il-King of Kings.

Għal dan l-avveniment qed jipparteċipaw 23 kompetitur Malti u 18-il barrani, fosthom iċ-Champion Ewropew tad-Drifting ta’ din is-sena u ċ-Champion tas-sena li għaddiet. Waranofsinhar kellhom jaslu wkoll diversi mezzi tax-xandir barranin, li qed jistmaw udjenza ta’ madwar 65 miljun madwar l-Ewropa u l-Asja fuq it-televiżjoni u fuq siti soċjali. Adrian Figallo qal li b’din l-azzjoni, l-isport lokali tal-muturi u l-pajjiż se jaqgħu għar-redikolu f’għajnejn il-barranin.

Fi Protest Ġudizzjarju, il-kumpanija FM Promotions qalet li l-MEPA qed tabbuża mill-pożizzjoni tagħha u li l-Kummissajru tal-Pulizija ma kellu bżonn l-ebda awtorizzazzjoni tal-MEPA biex joħroġ il-permess. Il-kumpanija sostniet li l-esebizzjoni ma kellha bżonn l-ebda permess mingħand il-MEPA biex torganizza d-drifting. Il-kumpanija sostniet li jirriżulta li l-MEPA ma kellha xejn kontra l-esebizzjoni, iżda għandha kwistjoni dwar is-sit. Għaldaqstant, quddiem din is-sitwazzjoni il-kumpanija se ssofri danni kbar.