Futbol Sport

Draw li jissodisfa aktar lil Balzan

Minn Roderick Vella

KAMPJONAT BOV PREMIER

FLORIANA…………1

BALZAN…………… 1

Floriana: V.Senatore, A.Scicluna, D.Moreira Cobo, S.Pisani, C.Borg, V.Plut, M.Piciollo, E.Briffa, A.Samb, B.Farrugia, S.Bonnici.
Sost: 75min E.Marcelina flok A.Samb, 76min Conor Borg flok C.Borg, 89min G.Galea flok S.Pisani

Balzan: S.Sultana, J.Grioli, S.Bezzina, E.Serrano Valero, E.Bilbao Zarate, O.Guobadia, C.Brincat, J.Mifsud Triganza, O.Guerrero, L.Sciberras, G.Piccioni.

Sost: 53min L.Micallef flok L.Sciberras, 66min M.Borg flok O.Guerrero, 88min F.Odebe flok J.Grioli

Imwissija: Serrano Valero, Luke Sciberras (B) Moreira Cobo, V.Plut, A.Samb (F)

Skurjaw: 53min Amadou Samb (F), 70min Serrano Valero (B)

Referee: Clayton Pisani

In-Nazzjon plejer tal-logħba – Bilbao Zarate (B)

F’logħba fejn iż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tajbin tagħhom, Floriana u Balzan spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Riżultat li nieżel aħjar mal-Balzanin li telgħu waħedhom fit-tielet post tal-klassifika, punt taħt Birkirkara, waqt li għall-Greens dan kien it-tielet draw konsekuttiv.

Il-logħba bdiet b’ritmu tajjeb, b’ċans fuq kull naħa. Floriana setgħu marru minnufih fil-vantaġġ permezz ta’ Plut li liberat minn Picciollo dar u xxuttja fil-pront bil-ballun devjat f’korner fl-aħħar mument. Risposta ta’ Balzan tasal mill-ewwel, Mifsud Triganza li llum beda flok Lydon Micallef, prova fit-tielet minuta xutt b’saħħtu li Senatore salva fil-baxx. Kwarta logħob, freekick ta’ Moreira Cobo kien insidjuż imma għadda ftit għoli. Fit-tieni parti tal-ewwel taqsima Balzan dehru li ħadu r-riedni tal-partita f’idejhom u bdew ikunu izjed perikolużi. L-eqreb li waslu kienu fl-34 minuta meta wara li rċieva mingħand Zarate, Piccioni ra x-xutt bomba tiegħu jistampa mal-mimduda.

Erba’ minuti wara ċans tad-deheb ieħor għall-Balzanin, b’Zarate li liberu fil-kaxxa ż-żgħira li jagħti bir-ras, ma sabx il-lasta. Fit-tieni taqsima Floriana dehru mibdula u kellhom żewġ okkażjonijiet f’temp ta’ minuta. It-tnejn bdew minn saqajn Plut li fid-49 minuta l-ewwel qassam lil Amadou Samb li Sultana laqa’ tajjeb u sekondi wara niżżel lura lil Pisani li xutt tiegħu ma sabx il-lasta.

Kien preludju għall-gowl li wasal ftit wara fit-53 minuta. Corner mogħti minn Pisani u AMADOU SAMB għola fuq kulħadd u bir-ras tefa’ lil Floriana fil-vantaġġ. Balzan wettqu reazzjoni immedjata u fis-70 minuta wara cross tas-sostitut Borg, SERRANO VALERO bir-ras ġab id-draw għal Balzan. Gowl li ggalvanizza iktar lit-tim ta’ Oliver Spiteri u minuta wara Mifsud Triganza wara azzjoni individwali qabeż nofs difiża Furjaniża imma ixxuttja barra.

Għaddew ftit sekondi u reġgħu Balzan permezz ta’ Piccioni bil-gowlkiper Taljan tal-Greens li salva f’corner. Logħba li fil-minuti finali setgħet marret fuq iż-żewg naħat. Floriana ipprotestaw b’saħħa wara li Plut fid-89 minuta deher jaqa’ fil-kaxxa, imma r-referee Pisani ma saffarx penalty anzi wera l-karta safra għal simulazzjoni. Fil-ħin mogħti żejjed il-BOV Plejer tal-Partita, Bilbao Zarate xxuttja iżda Senatore salva ċentralment.