Lokali Sport Sport Ieħor

Gżira United preparati għall-istaġun tal-Premier

FUTSAL: Dan l-aħħar Gżira United, it-tim li ġie promos mill-Ewwel Diviżjoni tal-Futsal ippreżenta l-iskwarda għal dan l-istaġun. Gżira United issorprendew fl-istaġun li għadda wara li kisbu promozzjoni ferm mistħoqqa flimkien ma’ Valletta u Żebbuġ.

Il President tal-Maroons Clive Mifsud qal li għadhom kemm iffirmaw ftehim ma’ Technoline Ltd fejn ġew mislufa l-użu ta’ A.E.D. (magna biex terġa’ tħaddem il-qalb) u b’hekk se jkun l-uniku tim fl-isport Malti kollu li se jkollu dan l-apparat għal-logħbiet kollha. Dan se jkun għas-servizz kemm tal-plejers u kif ukoll tan-nies li se jkunu jaraw il-logħbiet tagħhom. Qal ukoll li l-forza ta’ dan it-tim huwa li hu grupp magħqud ħafna u din għanda tkun l-enerġija f’dan l-istaġun.

Il-Kowċ Paul Carabott Damato qal li l-assistenti tiegħu se jerġgħu jkunu l-istess tal-istaġun li għadda li huma Kenneth Farrugia u Warren Galea bħala kowċ tal- gowlkipers. Qal ukoll li t-tim qed iżomm saqajh mal-art u se jkunu għadma iebsa għal kull tim u filwaqt li jilagħbu futsal sabiħ jiġġieldu biex iżommu posthom fl-għola diviżjoni tal-futsal. Żied jgħid li dan kollu jrid isir b’umiltà għaqda u determinazzjoni.

Biex it-tim ikun kompetittiv ġew akkwistati xi plejers ġodda li diġà lagħbu fil-Premier li huma Luke Stivala, Darton Bugeja, Sean Vella u Leandros Calleja eks Birgu, Frankie Xerri eks Zabbar u l-gowlkiper Glenn Farrugia eks Birżebbuġia. Flimkien ma’ dawn hemm anki Kevin Vella eks Qrendi, Micheal Tonna eks Melita u l-Ispanjol Ruben Burgillo Mellado. Ta’ min isemmi wkoll li Gżira żammew il-qafas tal-iskwadra li kisbet l-promozzjoni, bl-attakant prolifiku tagħhom it-Taljan Alessio Restuccia, il-konnazzjonal Aurelio Burgio, Jurgen Mifsud, Joseph Mifsud u l-gowlkiper Neil Camilleri fost l-oħrajn.