Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Anthony Vella laqgħet it-talba għal-libertà proviżorja fil-konfront tad-disa’ kaċċaturi li tressqu l-Qorti wara l-protesta li għamlu fil-Belt f’Jum l-Indipendenza. Il-kaċċaturi, tnejn minn Ħaż-Żabbar, tnejn minn Wied il-Għajn, Għawdxi, wieħed miż-Żurrieq, Rabti, kaċċatur minn Ħad-Dingli, ieħor mill-Mosta u kaċċatur minn Birkirkara ingħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000, kif ukoll li jiffirmaw darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija fil-lokalità rispettiva tagħhom.
Il-kaċċaturi qed jiġu mixlijin li xewwxu u wettqu konġura, li ftehmu biex iwettqu reat il-Ħadd, 21 ta’ Settembru waqt protesta li saret minnhom. Huma kienu tressqu l-Qorti jumejn wara l-każ. Tnejn mill-kaċċaturi jinsabu mixlijin ukoll li kellhom fil-pusses tagħhom armi ta’ imitazzjoni, li skont il-Liġi hu reat. Minnhom hemm min hu mixli wkoll li tkellem ħażin, filwaqt li tnejn mixlijin ukoll li ħebbew għall-membri tal-media u tlieta li waddbu l-ġebel.
Huma qed jiġu mixlijin bi 43 akkuża, li kollha huma prattikament relatati, fosthom li tellfu jew naqqsu l-ġieħ tal-Prim Ministru ta’ Malta, li nġabru f’ġemgħa ta’ aktar minn 10 minn nies bl-iskop li jagħmlu reat u li ftehmu jew għamlu konġura.
Id-disa’ kaċċaturi huma Alan Mizzi ta’ 22 sena miż-Żebbuġ Għawdex, Oliver Borg ta’ 43 sena u David Spagnol ta’ 44 sena minn Wied il-Għajn, Krist Callus ta’ 24 sena miż-Żurrieq, Brian Grech ta’ 21 sena mir-Rabat, Simon Camilleri ta’ 24 sena u Josmar Buhagiar ta’ 26 sena minn Ħaż-Żabbar, Arnold Farrugia ta’ 21 sena minn Ħad-Dingli u Gabriel Farrugia ta’ 19-il sena mill-Mosta.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Daryl Borg, l-Ispettur Jurgen Vella u Edel Mary Camilleri flimkien mas-Supretendent Carmelo Bartolo, qed tixli wkoll lil Arnold Farrugia u Gabriel Farrugia li kellhom arma, anke jekk immitazzjoni, u Farrugia li waddab ġebel lejn persuni oħrajn. Brian Grech u Alan Mizzi huma mixlijin ukoll li waddbu l-ġebel u li tkellmu ħażin, fosthom dagħa. Mizzi ġie mixli wkoll li waddab oġġetti iebsin lejn twieqi.
Sadanittant, Krist Callus qed jiġi mixli wkoll li mhux biss tkellem ħażin iżda ħebb għal cameraperson bil-ħsieb li jdejjqu jew jagħmillu ħsara, kif ukoll li sar reċidiv. Anke David Spagnol qed jiġi mixli li ħebb għall-istess cameraman u li ħebb ukoll għal ġurnalist. Simon Camilleri qed jiġi akkużat ukoll li kkommetta reat waqt operazzjoni ta’ sentenza sospiża, filwaqt li Gabriel Farrugia li għamel ħsara fi propjetà u li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv tal-probation, kif ukoll li żamm lixka ta’ għasafar protetti.
Għall-kaċċaturi qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Michael Sciriha, Lucio Scirha, Anthony Cutajar, Shazoo Ghaznavi.
//= $special ?>

