Internazzjonali

Il-militanti Iżlamiċi javvanzaw f’Kobane

IS-SIRJA: Ġlied qalil qed ikun rappurtat bejn milizzji Kurdi u militanti tal-Istat Iżlamiku qed javvanzaw fit-Tramuntana tal-belt ta’ Kobane.

Xhieda li kienu fil-post tul il-fruntiera mat-Turkija raw splużjonijiet u duħħan jogħla minn binjiet li ntlaqtu mill-artillerija.

Il-militanti tal-Istat Iżlamiku avvanzaw lejn zona ftit kilometri ’l bogħod mill-belt, minkejja attakki Amerikani mill-ajru li qed jippruvaw iwaqqfu l-offensiva li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar ġimagħtejn.

Il-Prim Ministru tat-Turkija wiegħed li pajjiżu se jagħmel dak kollu possibbli biex Kobane ma taqax f’idejn il-militanti.
Ahmet Davutoglu tkellem sigħat biss wara li l-parlament Tork awtorizza azzjonijiet militari kontra l-militanti fl-Iraq u fis-Sirja li heddew is-sigurtà tat-Turkija, u biex truppi barranin jużaw bażijiet Torok.

Sadattant, il-militar tal-Belġju u dak tal-Awstralja ngħaqdu ma’ koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti f’attakki kontra l-Istat Iżlamiku.