Meta tkun f’ħofra, jgħidu, l-ewwel ieqaf ħaffer. Il-Ministru tal-Finanzi, il-Profs Edward Scicluna, daħal f’ħofra meta nqabad jiżvija lill-ġurnalisti fuq l-eluf ta’ impjiegi li qed jagħti l-Gvern. Giddbuh il-ġurnalisti tat-Times u giddbu wkoll l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO. Imma l-Profs Scicluna qed ikompli jħaffer.
Mhux żieda ‘statistika’
Il-Profs Scicluna kien qal li ż-żieda qawwija ta’ impjiegi mal-gvern kemm ilu l-Labour fil-gvern kienet biss żieda ‘statistika’ minħabba li 3,000 ħaddiem fil-kostruzzjoni ġew klassifikati mill-NSO bħala ħaddiema fl-amministrazzjoni pubblika.
Klassifikazzjoni bejn dipartimenti differenti tal-Gvern
X’ma qalx il-Profs Scicluna, għax ħaseb li l-ġurnalisti injoranti, hu li dawn it-3,000 ħaddiem xorta kienu jidhru mal-gvern qabel. Kulma sar hu li minn mal-gvern fil-kostruzzjoni baqgħu jidhru mal-gvern, imma fl-amministrazzjoni pubblika.
Inqabad jipprova jidħaq bil-ġurnalisti
Il-Profs Scicluna l-istatistika jaf jaqraha u allura dan tiegħu kien attentat biex jidħaq bil-ġurnalisti għax jaħseb li huma stupidi. B’xorti tajba, inqabad. It-Times uriet ċar li ż-żieda fl-impjiegi mal-gvern hi żieda vera, mhux ‘statistika’ kif qal il-Profs Scicluna.
Giddbitu t-Times, l-MSA u l-NSO
Dan ikkonfermah ukoll l-NSO li spjega ċar li t-3,000 ħaddiem mal-gvern kienu jidhru qabel u mal-gvern baqgħu jidhru wara. Imma l-Profs Scicluna, flok ammetta, baqa’ jħaffer. Anke l-Awtorità tal-Istatistika ħarġet stqarrija li fil-fatt turi li, iva, iż-żieda tal-impjiegi mal-gvern hi reali għax it-3,000 ħaddiem qabel kienu diġà jidhru mal-gvern.
3,700 impjieg mal-gvern fi tlettax-il xahar
U issa ħiereġ aktar kemm hu qawwi l-ingaġġ mal-gvern. Fl-ewwel tlettax-il xahar tal-Gvern Laburista, irtiraw 1,625 ruħ minn mal-gvern. Dan hu x’ikkonferma l-Ministru tal-Finanzi stess f’rapport lill-Kummissjoni Ewropea. Fl-istess tlettax-il xahar, l-impjiegi mal-gvern żdiedu b’2,042, kif jirriżulta ċar mill-istatistika uffiċjali. B’hekk, il-Gvern irrimpjazza dawk li rtiraw u kompla żied magħhom, jiġifieri daħħal b’kollox 3,700 ħaddiem fi tlettax-il xahar, jew 10 ħaddiema ġodda kuljum.
Dubju dwar kull ħaġa li jgħid il-Profs Scicluna
Hi ħaġa gravi li l-Ministru tal-Finanzi qed ikompli jipprova jqarraq bil-media għax jaħseb li l-ġurnalisti injoranti. Hi ħaġa gravi wkoll għax l-attentat tiegħu biex jiżvija lill-ġurnalisti jpoġġi f’dubju mhux biss dak li jgħid fuq l-impjiegi mal-gvern imma wkoll kull ħaġa oħra li jgħid fuq l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi.