IL-LIBJA: Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) hedded bis-sanzjonijiet kontra dawk li jirrifjutaw taħditiet għall-paċi, organizzati min-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja.
Bernardino Leon, il-mibgħut speċjali tan-NU żamm l-ewwel rawnd ta’ taħditiet li l-politiċi rivali fuq dan il-kunsill iddeskrivewh bħala “pass importanti” lejn riżoluzzjoni ta’ paċi fil-Libja.
Iżda l-milizzja Fair Libya li tikkontrolla lil Tripli, irrifjutat it-taħditiet, u fil-Lvant, l-alleat tagħha Shura of Benghazi Revolutionaries ħarġet l-istqarrija tagħha meta rrifjutat l-inizjattiva u sejħitilha “inġusta”.
Fi stqarrija unanima, il-15-il membru tal-kunsill esprimew ix-xewqa li jużaw is-sanzjonijiet, fosthom li jkunu ffriżati l-assi jew restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar, kontra individwi jew entitajiet li heddew il-paċi u l-istabbiltà jew xekklet it-tranżizzjoni politika tagħha.
Intant, Franza qed twaqqaf bażi militari fit-Tramuntana tan-Niġer bħala parti minn missjoni mmirata biex militanti assoċjati mal-al Qaeda jitwaqqfu milli jaqsmu r-reġjun Sahel-Sahar bejn in-Nofsinhar tal-Libja u l-Mawritanja.
Il-gvern Franċiż, li mexxa sforzi biex jipprevjeni lill-Iżlamiċi milli jidħlu fir-reġjun mindu intervjena fl-ekskolonja tal-Mali s-sena l-oħra, reġa’ bagħat it-truppi madwar il-Punent tal-Afrika kmieni din is-sena. Dan biex titwaqqaf forza kontra t-terroriżmu.
Taħt dan il-pjan ġdid, madwar 3,000 suldat Franċiż issa qed jimmanuvraw ’il barra minn Mali, minn Burkina Faso, min-Niġer u miċ-Chad, bl-iskop li jwaqqfu ġellieda Iżlamiċi madwar ir-reġjun. Madwar elf suldat ieħor qed jipprovdu appoġġ loġistiku fil-Gabon u fis-Senegal.
Diplomatiku Franċiż qal li l-bażi qed titwaqqaf fit-Tramuntana tan-Niġer meta fl-istess waqt ikompli jiżdied it-tħassib fil-Libja.
La Franza u lanqas in-Niġer ma qalu fejn qiegħda l-bażi, iżda sorsi militari fin-Niġer qalu li din tista’ tkun madwar Madama, postazzjoni f’zona remota fid-deżert fil-Grigal, fejn in-Niġer diġà għandu xi truppi bbażati hemm.
//= $special ?>