Lokali Unjoni Ewropea

Is-Sħubija fl-UE hi l-għodda, il-pajjiżi u l-popli għandhom jieħdu l-massimu biex jagħmlu suċċess – Simon Busuttil

Is-Sħubija fl-Unjoni Ewropea hi biss l-għodda għax jiddependi mill-pajjiż u l-poplu tiegħu li jieħu l-massimu u jagħmel suċċess minnha. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jindirizza seminar dwar l-10 anniversarju mis-Sħubija ta’ Malta fl-UE, organizzat mit-think tank “Today Public Policy Institute” u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Simon Busuttil qal li s-Sħubija fl-UE biddlet mill-qiegħ lil pajjiżna, kif kien intqal mill-Kummissjoni Ewropea stess fl-opinjoni tagħha tal-1993 dwar l-applikazzjoni ta’ Malta. Dakinhar, il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tirreferi għall-ekonomija Maltija. Madankollu, il-bidliet ma kienux limitati biss għall-qasam ekonomiku, iżda wkoll fil-qasam politiku u ambjentali.

Dwar il-qasam politiku, Simon Busuttil qal li f’dawn l-10 snin pajjiżna bena reputazzjoni tajba fl-UE, iżda din ma tistax tittieħed for granted. Għamel referenza għar-riżenja tal-Kummissarju Ewropew John Dalli, il-kwistjoni tal-push-backs u l-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija bħala episodji li tappnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dwar l-ambjent, il-Kap tal-PN qal li saru żviluppi, iżda għad fadal xi jsir u sfortunatament qed jidhru sinjali f’dan il-qasam li joħolqu tħassib.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni u qal li fid-disa’ snin li għamel bħala Membru Parlamentari Ewropew hu kkritika b’mod kostanti n-nuqqas ta’ azzjoni mill-UE. Kien biss grazzi għal Malta u pajjiżi oħrajn mill-Mediterran li l-imigrazzjoni bdiet tkun parti mill-aġenda Ewropea. Sostna li għad fadal ħafna xi jsir, filwaqt li tenna li l-għajnuna li Malta u pajjiżi oħrajn qed jingħataw mill-Istati Uniti bil-programm tar-refuġjati għandu jħammar wiċċ l-UE.

Simon Busuttil qal li ma jaqbilx kompletament li issa hawn konsensus dwar is-Sħubija ta’ Malta fl-UE. Semma’ li ċerta retorika politika mill-Prim Ministru bħal “Wake up and smell the coffee” turi ċerta ostilità. Qal ukoll li l-interess strateġiku ewlieni ta’ Malta jibqa’ r-reġjun Ewropew u ebda interess strateġiku ieħor minn barra m’għandu jipperikola dan. Tenna li jinsab favur aktar kummerċ maċ-Ċina, iżda li tbiegħ assi strateġiċi, fosthom l-aktar Power Station moderna, liċ-Ċina jista’ jkollha riperkussjonijiet.

Il-Kap tal-PN staqsa x’se jiġri jekk il-kwistjoni ta’ Hong Kong tiġi diskussa f’livell Ewropew u kif se tivvota Malta jekk ikun hemm riżoluzzjoni fil-Kunsill tal-Ministri. Simon Busuttil temm li l-PN għandu esperjenza kbira dwar affarijiet Ewropej li lest ipoġġieha għad-dispożizzjoni tal-pajjiż meta Malta jkollha l-Presidenza tal-UE fl-2017.