Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Is-Sindku Laburista f’Ta’ Sannat jirrifjuta medjazzjoni

Is-Sindku Laburista ta’ Sannat Għawdex Philip Vella rrifjuta tentattiv li sar mit-tmexxija tal-Partit Laburista biex tiġi solvuta darba għal dejjem il-kwistjoni li nqalgħet fil-lokalità dwar l-allegat kunflitt ta’ interess tiegħu fil-każ tal-film “By the Sea”, li qed jinġibed f’Imġarr ix-Xini.

Sorsi li tkellmu mal-ġurnal In-Nazzjon qalu li t-tliet Kunsilliera nisa tal-Partit Laburista, il-Viċi Sindku Frances Galea u l-Kunsillieri Maria Cassar Sultana u Margaret Said, kienu lesti jaċċettaw li jirtiraw il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Vella. Madankollu, is-Sindku Laburista m’aċċettax u insista li jkompli bil-każ, li hu stess ressqu quddiem il-Bord ta’ Governanza tal-Kunsilli Lokali biex jiġi investigat, malli tressqet il-mozzjoni ta’ sfiduċja fih.

In-Nazzjon irrapporta li din l-offerta saret waqt laqgħa bejn is-Sindku u t-tliet Kunsilliera Laburisti, li ressqu l-mozzjoni ta’ sfiduċja fih, li saret l-Erbgħa li għadda fiċ-Ċentru Laburista tar-Rabat Għawdex. Il-laqgħa ssejħet mit-tmexxija tal-PL u għaliha attenda d-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela. Is-sorsi qalu lill-ġurnal li bħala Uffiċjal tal-PL inkarigat mill-Kunsilli Lokali, Abela ntbagħat biex ilaqqa’ liż-żewġ naħat u jagħmilha ta’ medjatur bejniethom ħalli l-kwistjoni ma tkomplix teskala.

Dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon staqsew għaliex is-Sindku hu daqshekk konvint li għandu raġun u għaliex jidher li hu kważi ċert li jekk il-każ ikompli jinstema’, hu se jingħata raġun. Il-Bord li qed jidher quddiemu l-każ hu mmexxi mill-Avukat Joe Mifsud. Ftit jiem ilu, In-Nazzjon żvela wkoll li l-Bord bagħat għas-Sindku, għas-Segretarju Eżekuttiv u għat-tliet Kunsillieri Laburisti li ressqu l-mozzjoni biex jixhdu quddiemu fis-smigħ li mistenni jsir il-Ħamis li ġej.

Sadanittant, il-Kunsill Laburista f’Ta’ Sannat ilu ma jiltaqa’ mill-11 ta’ Awwissu kaġun ta’ dan id-diżgwid. Għalhekk, qed jikser il-liġi, li tgħid li kull Kunsill hu obbligat jiltaqa’ mill-anqas darba fix-xahar.