HONG KONG: Mexxejja tal-protesti favur id-demokrazija f’Hong Kong heddew li jwaqqfu t-taħditiet mal-gvern wara li d-dimostranti kienu involuti fi ġlied ma’ dimostranti rrabjati tan-naħa opposta.
Uħud mid-dimostranti qalu li l-gvern irid jipprevjeni “attakki organizzati fuq sostenituri favur id-demokrazija”.
Id-dimostranti, li huma rrabjati għall-pjan taċ-Ċina biex tiskrutinja kandidati prospettivi għall-elezzjoni, ilhom jokkupaw partijiet mill-belt. Aktar qabel huma kienu aċċettaw offerta għal taħditiet mal-kap eżekuttiv ta’ Hong Kong.
Fid-distrett kummerċjali ta’ Mong Kok, fuq il-peniżola Kowloon, nies li jopponu lid-dimostranti żarmaw it-tined. Il-Pulizija spiċċaw biex iffurmaw katina ħalli jifirdu lill-gruppi opposti.
Intant, aktar attivisti favur id-demokrazija ħonqu z-zona u n-numru tagħhom kiber bil-bosta mill-grupp tan-naħa l-oħra u kantaw slogans bħal “Morru lura f’Beijing”.
Diversi residenti lokali kienu urtati ħafna mill-waqfien b’mod ġenerali fil-pajjiż kawża tal-protesti, iżda l-attivisti qalu li l-oppożizzjoni fil-konfront tagħhom qed tkun koordinata mill-awtoritajiet.
Uffiċċji tal-gvern fiz-zona prinċipali fejn qed isiru l-protesti ngħalqu, bl-awtoritajiet jappellaw lill-ħaddiema biex jaħdmu minn djarhom għax it-toroq huma blukkati.
Il-qofol tal-kwistjoni hu kif Hong Kong se jkun qed jeleġġi l-mexxej il-ġdid tiegħu. F’Awwissu, l-awtoritajiet Ċiniżi f’Beijing iddeċidew li filwaqt li r-residenti ta’ Hong Kong se jkollhom vot, l-għażla tagħhom tal-kandidati se tkun ristretta permezz ta’ kumitat. Id-dimostranti qed jgħidu li dan qed iwassal biex l-elezzjonijiet ma jkunux ħielsa.
Wara protesti li damu għal diversi ġranet, id-dimostranti żiedu t-talba biex il-Kap Eżekuttiv CY Leung jirriżenja minnufih. Leung irrifjuta li jagħmel dan nhar il-Ħamis iżda offra li jsiru taħditiet mad-deputat tiegħu – xi ħaġa li l-attivisti aċċettaw.
Il-gvern ċentrali f’Beijing qed juri appoġġ sħiħ wara Leung u qed ifisser il-protesti bħala illegali u li “huma ddestinati biex ifallu”.
//= $special ?>