It-terroristi tal-grupp Stat Iżlamiku ħarġu filmat li jgħidu li juri l-qtil tal-ostaġġ Brittaniku Alan Henning li kien inħataf fis-Sirja f’Diċembru li għadda.
Il-moviment tal-Istat Iżlamiku li qed jikkontrolla artijiet fis-Sirja u l-Iraq kien hedded, ix-xahar li għadda, li kellu joqtol lil Henning. Dan meta kien intwera il-filmat dwar il-qtil tal-Brittaniku David Hains taħt l-istess idejn terroristi li kienu ħanxrulu għonqu.
Intant il-filmat dwar l-allegat qtil ta’ Henning qed ikun investigat, bil-‘foreign office’ tar-Renju Unit itenni li qed jipprova jivverifika jekk il-filmat relatat hux wieħed awtentiku.
Nhar it-Tlieta, Barbara Henning, il-mara tal-ostaġġ Brittaniku, kienet appellat għall-ħelsien ta’ żewġha u li fissritu bħala raġel innoċenti. Il-filmat in kwistjoni intant juri lil Henning għarkubtejh qrib ta’ militant li hu liebes l-iswed u meta jidher id-deżert bħala sfond.
Il-filmat jintemm b’wieħed mill-ġellieda tal-grupp Stat Iżlamiku qed jhedded lil raġel ieħor li t-terroristi identifikawh bħala Amerikan.
//= $special ?>