Lokali Qorti

Kumpens ta’ €7,000 minħabba dewmien fil-każ ta’ Daniel Holmes

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Anthony Ellul ordnat li Daniel Holmes, il-Brittaniku minn Wales, li kien ġie kundannat sentenza ta’ 10 snin u nofs ħabs wara li fir-residenza fejn kien residenti f’Għajnsielem, Għawdex instabu ammonti ta’ kannabis, jingħata kumpens ta’ €7000.

Dan fost affarijiet oħra, kien hemm dewmien biex jinstema’ l-każ tiegħu. Huwa kien instab ħati li fid-19 ta’ Lulju tal-2006 u fis-sitt xhur ta’ qabel huwa kellu madwar kilo pjanta tal-kannabis, f’ċirkostanzi li juru li ma kienux għal użu personali tiegħu.

L-Imħallef Ellul iżda semma tliet raġunijiet għala jkun hemm dewmien biex jinqatgħu l-kawżi. Qal li l-Qorti tal-Maġistrati ftit li xejn għandha poter biex tikkontrolla l-mod u r-rittmu li biha jinġabru l-provi tal-Prosekuzzjoni fl-istadju tal-kumpilazzjoni minħabba li dan il-kontroll jinsab f’idejn l-Avukat Ġenerali.

Raġuni oħra li tagħat il-Qorti hija li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa ‘under staffed’ minkejja li l-avukati jagħmlu ħilithom biex jippruvaw ilaħħqu max-xogħol. It-tielet hija l-volum ta’ kawżi li jrid jisma u jiddeċiedi ġudikant, fejn l-Imħallef Ellul għamilha ċara li jekk dawn se jibqgħu mgħobbija kif inhuma b’mijiet ta’ kawżi u fl-istess ħin jibqgħu jirċievu oħrajn ġodda se jibqa’ jkun hawn id-dewmien.

“F’xenarju simili m’huwiex possibbli li f’kull każ jiġi garantit smigħ xieraq fi żmien raġonevoli. Din hi r-realtà isiru kemm isiru emendi fil-liġi tal-proċedura u inizjattivi oħra fil-qasam amministrattiv tal-Qorti”, qalet l-istess Qorti.

Holmes kien fetaħ kawża Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija, id-Direttur Ġenerali tal-Qrati u t-Tribunal (Għawdex) kif ukoll ir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunal Kriminali fejn fost oħrajn ilmenta mid-dewmien li ffaċċja f’dan il-każ.

L-Imħallef Ellul minbarra li kkonkluda li Holmes kellu raġun meta lmenta mid-dewmien fil-każ tiegħu, ordna wkoll li dan jingħata €7,000 bħala kumpens. Holmes kien tressaq fil-Qorti fil-21 ta’ Ġunju 2006 imma l-att tal-akkuża ħarġet madwar tliet snin u nofs wara eżattament fit-18 ta’ Jannar 2010.

Fir-rimarki tagħha dwar il-każ, il-Qorti iddeskriviet l-proċess li sar quddiem il-Qorti tal-Maġistrati t’Għawdex bħala wieħed li fih kien hemm “dewmien esaġerat”. Fost oħrajn għax kellha tgħaddi aktar minn sena sakemm il-Prosekuzzjoni għalqet il-provi, u li dan sar b’mod inaċċettabbli u “imqanżaħ” u dan bil-mod li bih il-Prosekuzzjoni ressqet il-provi tagħha.

L-Imħallef Ellul sostna bħala eżempju li fis-kawża tad-9 ta’ Novembru 2006, il-Prosekuzzjoni qalet li kien fadal xhud wieħed imma x-xhieda komplew jinstemgħu fuq perjodu ta’ tliet snin oħra. Huwa saħaq li huwa l-Istat li għandu l-obbligu li jindirizza dawn in-nuqqasijiet u għaldaqstant irid iwieġeb għad-dewmien żejjed fil-proċeduri ġudizzjarji.

Komplja jgħid li f’ħajja ta’ bniedem seba’ snin huma ħafna. Seba’ snin ta’ inċertezza tiela’ u nieżel il-Qorti għas-seduti, għaliex dik hi s-sistema, li hija waħda ħażina. Qal li dewmien f’kull xorta ta’ proċeduri ġudizzjarji timmina l-ġustizzja iżda dewmien fi proċeduri kriminali, fejn il-libertà tal-bniedem in diskussjoni, m’għandux jiġi ittollerat.

Finalment l-Imħallef Ellul qal ukoll li Holmes huwa barrani u l-fatt li mill-provi ħareġ li m’għandu l-ebda rabta ma’ Malta jagħmel iċ-ċirkostanza tal-każ iktar gravi. Aktar minn sena ilu, l-Qorti Kostituzzjonali kienet sabet li ċertu poteri fil-konfront ta’ Holmes huma diskriminatorji u jiksru d-Drittijiet Umani ta’ traffikant tad-droga. L-Avukat Franco Debono qed jidher għall-Daniel Holmes.