Lokali Unjoni Ewropea

“Morna dritt fil-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE” – Simon Busuttil

Għaxar snin minn meta Malta saret membru tal-UE, x’naħsbu dwar l-esperjenza tagħna s’issa? Il-proċess li wassal għas-sħubija u l-ewwel snin bħala membri, kemm influwenzawna fuq livell politiku, ekonomiku u soċjali? Dawn kienu t-temi ewlenin li ġew diskussi f’konferenza organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u The Today Public Policy Institute.

Bħala punt tat-tluq tad-diskussjoni kien hemm ir-rapport ta’ The Today Public Policy Institute, Malta’s EU story: How ten years of membership have changed the country. Il-konferenza nfetħet mid-Direttur Ġenerali tat-TPPI, is-Sur Martin Scicluna, u mill-awtur ewlieni tar-rapport, is-Sur Patrick Tabone, li ta ħarsa qasira lejn ir-rapport.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, qal li jaqbel perfettament mal-kontenut tar-rapport, u fakkar fin-negozjati ta’ qabel l-aċċessjoni u radd ħajr lil kull min kien involut f’dak il-proċess, li xi kultant kien jeżiġi deċiżjonijiet iebsin. Huwa rrefera wkoll għad-dħul ta’ Malta fiż-żona ewro 4 snin wara u qal li dan kien pass kruċjali ieħor.

“Fil-verità, is-sovranità tagħna ssaħħet. Minn pożizzjoni marġinali u iżolata, morna dritt fil-qalba tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE”. Huwa żied jgħid li fl-aħħar mill-aħħar l-isfida kontinwa tibqa’ dik tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE.

Il-kelliema mistiedna jindirizzaw aspetti differenti tar-rapport kienu jinkludu lill-ex Kummissarju Ewropew, Dr Joe Borg. Huwa tkellem dwar l-impatt politiku tas-sħubija ta’ Malta fl-UE. Warajh tkellmu l-ekonomisti Dr Lino Briguglio u Dr Gordon Cordina dwar l-effetti tad-dħul fl-UE fuq l-ekonomija. Is-sessjoni li kien imiss kienet iffukata fuq l-ambjent, bil-panel ikun kompost mill-Prof. Simone Borg, Dr Michael Briguglio, u s-Sur Carmel Cacopardo.

Kien hemm ukoll għadd ta’ interventi mill-udjenza, li kienet tinkludi wkoll l-MEPs Marlene Mizzi u Therese Comodini Cachia. Iż-żewġ MEPs saħqu fuq l-importanza li jinżammu standards għoljin fit-tmexxija u li s-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ Malta jibqgħu jittieħdu in konsiderazzjoni.