Lokali Qorti

Aġġornata: Owen Bonnici lliberat għax il-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-akkużi

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ma sabitx lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ħati li fit-3 ta’ April li għadda saq b’mod traskurat u negliġenti, kif ukoll li kien il-kaġun li f’inċident Alies Abdulhadi weġġa’ gravi tant li spiċċa b’diżabbiltà permanenti. Il-każ kien seħħ ftit ‘il barra mill-mini ta’ Santa Venera wara li l-Ministru Bonnici kien ħabat ma’ karozza, li bl-impatt tagħha spiċċat fuq bankina u kien intlaqat ukoll vann.

Dwar il-każ, kienu diversi dawk li staqsew għaliex kien hemm daqshekk dewmien biex inħarġu l-akkużi. Minkejja dan id-dewmien, il-Qorti ddeċidiet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li kien qed isuq b’mod traskurat u negliġenti. Ftit tal-jiem wara li seħħ il-każ, Owen Bonnici kien qal lil stazzjon lokali ieħor li jemmen li persuna pubblika għandha tirriżenja jekk twettaq att li twassal biex il-fiduċja fiha titmermer.

Madankollu, hu wasal għall-konklużjoni li inċident tat-traffiku involontarju ma jwassalx biex din il-fiduċja tispiċċa. Fil-fatt, hu baqa’ ma rriżenjax mill-kariga tiegħu minkejja li kien qed jiffaċċja akkużi kriminali.

Fis-seduta tal-lum, il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Robert Vella, qalet li Bonnici żgur li ma kellux l-intenzjoni jwettaq ir-reat, xi ħaġa li qabel magħha wkoll l-Avukat Edward Debono fuq in-naħa tal-parti ċivili. Madankollu, kemm l-Avukat Debono kif ukoll l-Ispettur Vella qalu li l-Ministru kien traskurat fis-sewqan tiegħu.

L-Avukat Debono qal li l-klijent tiegħu, li qal li kien tħallas għad-danni kollha li sofra fil-karozza tiegħu, għadu taħt it-terrapija u jrid ikompli l-kors sa Jannar li ġej. Wara, it-tabib ikun jista’ jiddeċiedi il-qagħda tal-vittma. L-Ispettur Vella qal li ċ-ċertifikat mediku juri li l-feriti kienu gravi, iżda wieħed irid jara jekk joqgħodx fuq dan iċ-ċertifikat jew li wieħed jistenna sakemm joħroġ iċ-ċertifikat finali. L-Avukat Debono qal li jidher li l-partijiet qed jaqblu li l-feriti huma ta’ natura permanenti.

Xhud important fil-każ kien Josef Abdulhadi, li jiġi ħu l-vittma u li spjega li ħuh ċempillu għax waqfitlu l-karoza. Mar ħdejn il-vittma u ċempel ukoll lil tat-towing. Qal li sab il-karozza ta’ ħuh ipparkjata mal-ġenb, bil-hazard lights mixulgħin u bid-dawl mixgħul baxx. Ħuh kien fuq il-bankina u ftit wara ra karozza ġejja b’daqsxejn veloċità eċċessiva. Mal-impatt, ra lil ħuh itir għal xi metru u nofs, u x’ħin mar fuqu staqsieh kif kien u qallu biex ma jiċċaqlax għax kellu daqqa f’siequ.

Xehed ukoll il-vittma nnifsu, Alies Abdulhadi, li hu residenti Wied il-Għajn u li spjega kif dakinhar tal-każ, għall-ħabta tat-8.30pm, kien ħiereġ mill-mina u kif idritta fit-triq, ħass li l-karozza kellha xi ħaġa u bdiet tieqaflu. Hu waqaf taħt arblu tad-dawl fejn bankina żgħira. Spjega li xegħel il-hazard lights u ċempel lil ħuh. Spjega li hu u ħuh ippruvaw imexxu l-karozza u li kif kien dieħel fil-karozza sema’ lil ħuh jgħidlu “aremm aremm”. Qal li mbgħad kulma jaf hu li spiċċa fl-art taħt il-vettura.

Il-vittma qal li ma ntilifx minn sensih, iżda l-karozza tiegħu spiċċat mal-ħajt u fuq il-bankina. Il-karozza ta’ ħuh qalgħet daqqa wkoll, filwaqt li l-karozza tal-Ministru spiċċat aktar ‘il barra. Qal li sab ruħu bejn tliet karozzi u xi nies ħaduh fuq il-bankina qabel ma ġiet l-Ambulanza. Tenna li l-Ministru kien qed ikellem lil ħuh u mar ikellem lilu meta ġiet l-Ambulanza u staqsieh kif kien qed iħossu.

Meta l-karozza kienet wieqfa, il-karozzi l-oħrajn kienu għaddejjin normali għax kien hemm spazju biżżejjed biex tgħaddi karozza oħra, sostna l-vittma.

Xehed ukoll il-Ministru Owen Bonnici, li qal li kien għaddej bil-karozza privata tiegħu mill-mini ta’ Santa Venera. Minkejja l-feriti li ġarrab il-vittma, Bonnici qal li ma kienx għaddej b’veloċità eċċessiva tant li ma qalax ċitazzjoni mill-ispeed camera li hemm fil-post. Min-naħa l-oħra, qal li din hi by-pass u għalhekk wieħed ma jistax isuq bl-10km/h.

Minkejja li l-vittma qal li qabel l-inċident ra karozzi oħrajn għaddejjin għax kellhom spazju biex jgħaddu, il-Ministru Bonnici qal li kien sorpiż li sab karozza wieqfa, filwaqt li sostna b’ċertezza li ma ra l-ebda hazard lights mixgħula. Hu kkonferma li ma ħax brejk għax ma stenniex li se jsib karozza u li ħa qata’ kbira tant li kważi ħassu ħażin. Kemm il-vittma kif ukoll ħuh kienu verament ġentili, qal Bonnici.

L-Avukat tal-vittma qal li kien hemm żewġ karozzi weqfin u bilfors li l-akkużat kien qed isuq b’ċertu veloċità biex ċaqlaq vann u vettura, bil-vettura tispiċċa fuq il-bankina. Min-naħa tagħhom, l-Avukati tal-Ministru Owen Bonnici, Lou Bianchi u Joe Buttigieg, qalu li l-każ ma ġiex ippruvat u li l-klijent tagħhom kien qed isuq b’mod normali, iżda fejn sar l-inċident hu post fejn jiġu kkawżati ħafna inċidenti.

Il-parti ċivili, bi qbil mad-Difiża, qalu li l-każ hu mingħajr preġudizzji għad-drittijiet ċivili li jistgħu jsiru fil-futur u għalhekk il-vittma qed iżomm id-dritt li jiftaħ kawża għad-danni ċivili.