Lokali

Arrestat fuq attentat ta’ serq

L-inbiegħ tal-kelba kien kruċjali biex jinqabad il-ħalliel

Attentat ta’ serqa sfaxxa fix-xejn hekk kif is-sid ta’ uffiċju ta’ aġenzija tal-ivjaġġar fl-Imsida rnexxielu jwaqqaf lil ħalliel waqt li kien se jibda jisraq.

Il-każ seħħ fi Triq il-Makna tas-Serrar, fejn għal ħabta tal-11am, raġel ta’ nazzjonalita’ barranija, armat bi strument jaqta’ u bil-ponta, daħal fil-bini u talab il-flus lil bin is-sid tal-uffiċju.

Iżda l-ħsieb tal-ħalliel sfuma fix-xejn malli daħal fil-bini, hekk kif il-kelba tas-sid bdiet tinbaħ. Din fixklet lil ħalliel, li ħarab mill-post.

Hekk kif sema’ l-kelba tinbaħ, fil-pront wasal ukoll is-sid innifsu, Henry Fenech Azzopardi, li malli lemaħ il-ħalliel qed jaħrab ġera għal warajh u rnexxielu jwaqqfu fi Triq Rue d’Argens fil-Gżira.

Il-Pulizija waslet fil-post ftit tal-ħin wara, fejn arrestat lir-raġel u ħaditu fl-għassa tad-distrett.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.