Kien allarm falz, il-każ ta’ raġel mill-Afrika li tard ilbieraħ filgħaxija ddaħħal fl-isptar Mater Dei minħabba suspett tal-marda tal-Ebola.
Il-pazjent, li kellu d-deni, kien qed juri sintomi tal-marda li qed taħkem l-aħbarijiet madwar id-dinja, u matul il-lejl ittieħed l-isptar fejn sarulu t-testijiet neċessarji u nżamm f’sala għalih bħala mezz ta’ prekawzjoni.
Sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-persuna ddaħlet fis-Swali tal-Mard Infettiv, b’numru ta’ pazjenti jintalbu biex joħorgu mis-sala fejn inżamm dan il-pazjent sakemm isiru t-testijiet neċessarji, li kkonfermaw li filfatt kellu l-malarja.
Dawk li tkellmu magħna qalulna wkoll li dan il-pazjent wasal f’pajjiżna flimkien ma’ individwi oħrajn, li nżammaw taħt kwarantina f’Santa Venera sakemm qed isiru t-testijiet neċessarji.
Intant, il-Gvern fi stqarrija ddeskriva dak li seħħ biex din is-sitwazzjoni tkun ikkontrollata, bit-twaqqif ta’ sezzjoni apposta biex tindirizza din il-problema jekk l-Ebola tfeġġ f’Malta.
Il-mument kien mgħarraf ukoll li qed jinżamm kuntatt sħiħ bejn l-ajruport ta’ Malta u l-awtoritajiet tas-saħħa, li jinsabu fi stat ta’ allert għal kull każ ta’ persuni li jaslu Malta b’sintomi jixbħu lil tal-Ebola.
//= $special ?>