Lokali

113-il Pulizija jissieħbu mal-korp

113 Pulizija gradwaw mill-Akkademja tal-Pulizija, waqt parata li saret fl-Akkademja f’Ta’ Kandja, biswit il-bini tal-Akkademja l-ġdida li kienet bdiet tinbena lura fl-2011.

Filfatt, dan il-grupp ta’ mija u tlettax-il-Pulizija kien l-ewwel grupp ta’ rekluti li segwew il-kors sħiħ fl-akkademja l-ġdida. 78 minnhom huma rġiel, filwaqt li 35 huma nisa.

Waqt il-parata, il-banda tal-Pulizija daqqet numru ta’ innijiet fl-istess ħin li l-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Manwel Mallia, akkumpanjat mill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit, qassam certifikat lil kull reklut ġdid.

Ingħata rikonoxximent ukoll lil numru ta’ rekluti li fil-kors li segwew spikkaw mill-oħrajn.

Il-kors li dan il-grupp ta’ rekluti segwew beda propju f’April u kien jinkludi tagħlim dwar il-liġi, ir-regoli u l-proċeduri tal-Pulizija u l-eżerċizzju fiżiku fost oħrajn.

Preżenti wkoll għall-Parata, li hija magħrufa wkoll bħala ‘l-Passing Out Parade’, kien hemm numru kbir ta’ qraba tar-rekluti.