Lokali

“Ħidma għal partit b’saħħtu, modern u professjonali” – Simon Busuttil waqt il-Kunsill Ġenerali f’Għawdex

Niġġeneraw il-Partit biex inbiddluh f’partit b’saħħtu, modern u mmexxi b’mod serju u professjonali. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’diskors li bih ġab fi tmiemu l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex is-Sibt.

Fid-diskors tiegħu, Simon Busuttil elenka erba’ sfidi li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista f’dan il-mument importanti; l-ewwel li l-policies tal-Partit Nazzjonalista ifasslu l-mod kif dan se għandu jwassal l-ideali tiegħu, u dan se jsir permezz ta’ policy foras.

“Policy Fora fit-tul, biex nuru li għandna ideat u alternattiva għall-futur. M’għandiex inkunu sempliċiment partit li niġġieldu lill-Gvern mill-Oppożizzjoni”, saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

It-tieni li l-istrutturi tal-Partit ikomplu jiġu riorganizzati u riġenerati. Illum il-ġurnata l-Partit Nazzjonalista jinkludi strutturi u fergħat – uħud eżistenti u oħrajn li twaqqfu riċentament bil-għan li l-Partit Nazzjonalista jkompli joqrob lejn setturi differenti tas-soċjeta’.

“L-isfida tagħna hija li l-istrutturi niftħuhom u jkunu s-swaba’ tal-Partit fost is-soċjeta’ – indaħħlu nies ġodda, b’uċuħ u ideat ġodda, permezz ta’ kandidati ġodda”, sostna Simon Busuttil.

Kien hawnekk li ħabba grupp ta’ 30 kandidat ġdid għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, turija ċara li l-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx mal-Gvern li qed jilgħab mad-demokrazija meta jgħid li jrid iħassar dawn l-elezzjonijiet

“Aħna ma naqblux li jitħassru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Tant ma naqblux li diġa’ approvajna u se nkomplu napprovaw kandidati għall-Kunsilli Lokali tas-sena d-dieħla,” saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

It-tielet sfida li l-midja tal-Partit tkun aktar kredibbli. Hu faħħar ix-xogħol li sar iex il-midja saret finanzjarjament vijabbli. Issa hemm bżonn li l-midja toffri kwalita’ għolja li tirrispetta l-intelliġenza tan-nies.

“Hawn fejn għandna bżonn l-appoġġ tagħkom… dawn il-bidliet huma meħtieġa jekk irridu li l-Partit Nazzjonalista jegħleb l-isfidi ta’ tiġdid tiegħu u jerġa’ jsir alternattiv ta’ vera,” sostna Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma r-raba’ sfida quddiem il-Partit Nazzjonalista: l-isfida finanzjara. Din l-isfida trid tingħeleb b’onesta, għall-kuntlarju tal-Partit Laburista li qed iħallas id-dejn billi jisraq propjeta’ pubblika, b’referenza għall-Australia Hall.

“Qegħdin fit-triq li nindirizzawha – b’onesta’ u mhux billi nisirqu l-propjeta’ pubblika u dak li hu tal-poplu nagħmluh tagħna,” saħaq Simon Busuttil.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista elenka d-differenzi bejn il-Gvern Laburista u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, partikolarment fil-qasam tal-ekonomija, fejn saħaq li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ekonomija għandha tiġi mbuttata ‘il quddiem permezz ta’ investiment fil-privat u inċentivi għall-individwi, u mhux billi l-Gvern jonqof aktar flus.

Fl-aħħar nett, messaġġ ta’ kuraġġ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil: “Iva dan il-partit nerġgħu inwaqqfuh fuq saqajh, nagħmluh alternattiva ta’ Gvern ta’ vera, li jerġa’ jirbaħ il-fiduċja tan-nies,” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.