Il-Ministru Joe Mizzi tant kien ċert u tant kien qiegħed iżomm taħt għajnejh l-andament tal-bini l-ġdid tal-Parlament, li issa kien ikkonfermat li mhux se jitlesta saż-żmien stipulat, li fi Frar li għadda kien saħansitra ta avviż fil-Borża ta’ Malta fejn il-Gvern kien ħabbar li l-Parlament il-ġdid se jitlesta kollu sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.
L-aħbar fil-Borża ta’ Malta, permezz ta’ avviż li ngħata fit-26 ta’ Frar li għadda, il-Malita Investments kienet iddikjarat fir-rapport annwali preliminarja għas-sena 2013, li l-Korporazzjoni ghar-Rigenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-GHRC, infurmatha li l-bini tal-Parlament kien se jitlesta, l-aktar tard, sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.
Din l-aħbar kienet ingħatat ukoll f’The Sunday Times, f’kummenti li Stefan Zrinzo Azzopardi, President tal-Partit Laburista u li f’Mejju tas-sena l-oħra inħatar bħala Chairman tal-GHRC, kien ta lill-gazzetta u li fiha ddikjara wkoll li xejn ma tbiddel, u li l-binja tkun lesta minn kollox sa qabel ma jiltaqa’ l-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf.
Kien qal ukoll li sa Ġunju, jkunu ntlaħqu diversi miri tal-proġett, liema miri kompla jitkellem u jiftaħar dwarhom il-Ministru Joe Mizzi meta f’Lulju li għadda żar is-sit u ddikjara li l-miri se jintlaħqu, fost l-oħrajn għaliex kien hemm direzzjoni ċara bit-tmexxija tiegħu li l-miri se jintlaħqu.
Quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet u l-impressjonijiet li baqgħu jingħataw tul is-sajf kollu, kellu jkun biss 12-il ġurnata qabel mal-Gvern jammetti li l-Parlament il-ġdid ma kienx se jitlesta.
Nuqqas ieħor tal-Ministru Mizzi kien li ma żammx mal-wiegħda li għamel f’ittra li kiteb lill-Ispeaker tal-Parlament, li kienet se tingħata spjegazzjoni lill-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra, f’liema laqgħa la l-Ministru Mizzi, la rappreżentant tiegħu u lanqas xi uffiċjal tal-GHRC ma tfaċċa biex jagħti l-ispjegazzjoni mwiegħda u jgħid fiex waslu x-xogħlijiet.
Quddiem din in-no show tal-Gvern u tal-Ministru Mizzi, ħadd għadu ma jaf meta se jitlesta l-Parlament il-ġdid.
//= $special ?>

