F’nofsinhar, maltempata laqtet lill-gżejjer Maltin, b’xita qawwija u trombi tar-riħ li ġew rappurtati f’diversi partijiet tal-gżejjer Maltin.
Ir-riħ qawwi u x-xita wasslu biex parti mill-bypass ta’ Ħal Għaxaq, fiż-żona ta’ Bir id-Deheb, kellha tingħalaq għat-traffiku minħabba li nqasam arblu tad-dawl bil-konsegwenza li l-wajers tad-dawl kienu qed joħolqu periklu għal min juża t-triq.
Xenarju simili fit-toroq maġenb iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, fejn siġra kbira tqaċċtet u imbblukkat parti mit-triq.
Min-naħa l-oħra, ritratti li waslulna mill-Port Ħieles f’Birżebbuġa juru li xi kontejners ittajjru bir-riħ. Fl-istess lokalita’ kellu jsir ‘Beach Festival’, organizzat mill-Kunsill Lokali fil-Bajja s-Sabiħa, li kellu jibqa’ għaddej sal-lejla imma li tħassar minħabba l-maltemp. Dan kien jinkludi wkoll regatta bid-dgħajjes tal-qlugħ li ġiet posposta għal ġurnata oħra. Jirriżulta li saret xi ħsara fuq xi dgħajjes li fil-ħin tal-maltempata kienu fil-baħar.
Il-maltempata wasslet ukoll biex iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ filgħodu tal-festa tal-Madonna tar-Rużarju fil-Gudja tħassru, bil-voluntieri tal-għaqdiet ikollhom jisfidaw l-elementi u jniżżlu xi t-tiżjin biex jevitaw il-ħsara. Deċiżjoni dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-lejla għad trid tittieħed mal-ġurnata.
Tħassru wkoll numru ta’ titjiriet lejn Malta, fosthom minn Frankfurt, Tunis u Luton f’Londra.
Jekk għandek xi ritratti jew filmati u tixtieq li jiġu ppubblikati, ibgħathom fuq editor@maltarightnow.com jew inkella permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna uffiċjali ta’ MaltaRightNow fuq Facebook.
Iktar ritratti fil-paġna uffiċjali: https://www.facebook.com/media/set/?set=a.10152810963649026.1073741996.102227224025&type=1
//= $special ?>






