Wara tliet xhur ta’ kontroversja li fiha l-pożizzjoni tal-Gvern kienet li l-elezzjonijiet li jmiss tal-kunsilli lokali ma jsirx minħabba l-aspett finanzjarju, il-Prim Ministru Joseph Muscat issa jsostni li għandu proposta ta’ kompromess li skont hu se tirrispetta l-aspett demokratiku u l-mandatt elettorlai.
Din id-dikjarazzjoni l-Prim Ministru għamilha waqt konferenza politika tal-Ħadd filgħodu fil-Każin Laburista tar-Rabat.
Ir-reazzjoni tal-PN dwar din id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru kienet insistenza li mal-prinċipji demokratiċi bħall-elezzjonijiet m’hemmx kompromessi għaliex id-demokrazija m’għandhiex tintmiss u li l-Prim Ministru m’għandu jħassar l-ebda elezzjoni skedata.
Din hi kwistjoni li ġabet diviżjoni bla bżonn fil-pajjiz sostna l-PN.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru attakka lill-PN għal dik li sejjaħ ħidma minn wara konra l-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella.
Fit-tweġiba tiegħu l-PN qal li l-Prim Ministru qed iġib diviżjoni għall-fatt li dan mhux minnu, kif stqarret l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi li kkonfermat li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti appoġġjaw lil Karmenu Vella.
Il-PN spjega wkoll kif anki l-Partit Popoalri Ewropew appoġġja lil Karmenu Vella.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tal-kaċċa u qal li l-kaċċaturi li abbużaw huma kriminali li qed jagħmlu dan għall-flus.
Hu qal li l-gvern se jdaħħal multi iktar ħorox kontra l-abbuż tal-kaċċa u nsista li l-għaqdiet tal-kaċċaturi għandhom jikkundannaw lill-kaccaturi li jabbużaw u jappoġġjaw il-miżuri li se jieħu l-gvern. Għadkom ma tafux x’inhu ġejjin għalikom, sostna l-Prim Ministru, b’riferenza għall-kaċċaturi li jabbużaw.
Propju fil-ġimgħa li suppost kellu jiftaħ il-parlament il-ġdid, il-Prim Ministru tefa’ l-ħtija fuq il-kuntratturi li ma lestewx ix-xogħol u qal li l-Gvern se jesiġi li d-deadlines li jkunu ingħataw jinżammu għaliex hekk titlob is-serjeta’ u r-responsabbilta’.
Dwar l-ekonomija l-Prim Ministru qal li l-qagħad jinsab fl-inqas livelli fl-istorja ta’ Malta u li qed ikun previst li s-sena d-dieħla jiftħu 1,500 kumpanija ġdida f’Malta li se jħaddmu 4,000 impjegat ġdid. Hu qal li l-baġit li ġej se jkun wieħed mibni fuq il-bżulija u r-responsabbilta’.
//= $special ?>