Lokali Saħħa

Żviluppi ġodda dwar il-każ suspettat tal-ebola f’Malta

Żviluppi ġodda rigward il-każ suspettat tal-Ebola f’Mater Dei, li iktar tard irriżulta li ma kien xejn għajr każ tal-malarja.

Dan hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija raġel ittieħed l-isptar Mater Dei wara li żviluppa sintomi ta’ deni wara li wasal Malta mis-Senegal u l-Guinea.

Persuna li tkellmet ma’ dan l-istazzjon ikkonfermat li malli waslet l-aħbar ta’ dan il-każ suspettat ġew ikkuntatjati membri mill-korp tal-pulizija, mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u mill-HAZMAT.

Hekk kif il-pazjent wasal Mater Dei, għadda mill-livell -2 tal-isptar, f’kurituri li huma pjanati li jintużaw għal każi bhal dawn, sakemm twassal fis-Swali tad-Dipartiment tal-Mard Infettiv, l-IDU.

Is-sala fejn twassal il-pazjent ġiet evakwata skont protokol, sakemm ħarġu r-riżultati tat-testijiet tad-demm.

Il-persuna evantwalment ġiet konfermata li għandha l-malarja u fortunatament mhux l-ebola.

Intant, waqt li kien qed isir dan kollu, 8 persuni oħra, li kienu wasslu Malta flimkien mal-pazjent bil-malarja, inżammew fl-appartament tagħhom f’Santa Venera. Min tkellem magħna kkonferma li waħda mill-biżgħat tal-istaff ta’ Mater Dei kien li dawn jaħarbu mir-residenza tagħhom imma fortunatament kollox mexa kif pjanat.

Dan kien l-ewwel każ ta’ pazjent issuspettat bl-ebola li jasal f’Malta, wara allarm falz ieħor ftit tal-ġimgħat ilu, b’pazjent fuq vapur tal-merkanzija jitlob li jiddaħħal Malta għal kura. Talba li kienet miċħuda mill-Gvern Malti bħala miżura ta’ sigurta’ nazzjonali.