Ekonomija Lokali

Ċifri ġodda jikkonfermaw li Gvern Laburista daħħal 3,800 persuna fis-settur pubbliku

Iċ-ċifri dwar is-suq tax-xogħol li ħarġu llum jikkonfermaw li fl-ewwel 14-il xahar tiegħu, il-Gvern Laburista daħħal 3,800 persuna fis-settur pubbliku. Jikkonfermaw ukoll li x-xahar li għadda l-Ministru tal-Finanzi gideb dwar l-impjiegi mal-Gvern. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, li fiha fakkar ukoll kif il-Ministru Scicluna stess kien ikkonferma f’rapport lill-Kummissjoni Ewropea li minn mal-Gvern jirtiraw 1,500 persuna fis-sena. Madankollu, fir-rapport kien wiegħed li minflokhom kien se jdaħħal biss 1,000 ħalli jkun jista’ jikkontrolla l-iżbilanċ.

Madankollu, sostna l-PN, f’dawn l-14-il xahar il-Gvern Laburista mhux biss reġa’ impjega l-istess ammont ta’ persuni għall-1,750 persuna li rtiraw, talli żied magħhom 2,072 persuna persuna oħra, kif juru ċ-ċifri ppubblikati llum. Dawn iċ-ċifri juru li minflok suq tax-xogħol ibbażat fuq l-inizjattiva privata, il-Gvern Laburista qed idawwar ix-xejra tal-ekonomija Maltija lejn suq tax-xogħol ibbażat fil-biċċa l-kbira fuq impjiegi mal-Gvern.

Il-PN qal li ċ-ċifri ppubblikati llum ikomplu jgiddbu wkoll b’mod ċar lill-Ministru tal-Finanzi, li x-xahar li għadda kien ipprova jagħti lill-ġurnalisti x’jifhem li ż-żieda qawwija fl-impjiegi mal-Gvern kienet biss waħda ta’ statistika minħabba xi “riklassifikazzjoni”. Madankollu, iċ-ċifri tal-lum juru li dak li qal il-Ministru Scicluna mhux veru. Il-PN sostna li lill-Professur Scicluna jgiddbuh mhux biss iċ-ċifri tal-lum, iżda wkoll l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika, l-Awtorità tal-Istatistika u kalkoli li għamlu ġurnalisti indipendenti.

Il-fatt li Edward Scicluna gideb b’mod ċar dwar iċ-ċifri tax-xahar li għadda għax ħaseb li l-ġurnalisti mhux se jindunaw, ipoġġi f’dubju dak kollu li jgħid il-Ministru tal-Finanzi, li hu responsabbli għal din iż-żieda qawwija fl-impjiegi mal-Gvern.