Editorjal

Editorjal: It-theddida tal-fanatiżmu

Bħalissa d-dinja qed tipprova tikkumbatti dak li hu effettivament stat terroristiku – dak li jsejjaħ lilu nnifsu l-Istat Iżmaliku, imma li fil-fatt mhu Iżlamiku xejn – fi nħawi sostanzjali tal-Iraq u s-Sirja.

Aspirazzjoni kbira
Koalizzjoni ta’ pajjiżi qed jibbumbardjaw il-qagħdiet prinċipali ta’ dan il-grupp terroristiku li qed jaspira li jikkontrolla bit-terrur mhux biss territorju kbir imma wkoll li jġib taħtu twemmin sħiħ madwar id-dinja, it-twemmin Iżlamiku.

Stat
Meta organizzazzjoni jkollha l-kontroll sħiħ jew kważi sħiħ ta’ territorju speċifiku u tal-popolazzjoni f’dak it-territorju, u tibda timponi liġijiet f’dak it-territorju bla ma ħadd iwaqqafha, dik effettivament tkun stat. U dan hu li qed jiġri fl-istat tal-Iraq li f’partijiet sostanzjali tiegħu tilef il-kontroll u ħalla stat ieħor joħodlu postu.

Terroriżmu
Fil-media madwar id-dinja drajna nisimgħu ewfemiżmi dwar gruppi terroristiċi. Il-media jsejħulhom ‘militanti’. Dawn huma terroristi għax it-terrorist mhuwiex biss militant imma, biex jilħaq l-għanijiet tiegħu, juża atti kbar ta’ vjolenza – mhux inċidenti kwalunkwe, b’mod sistematiku u maħsub – mhux b’kumbinazzjoni, kontra nies ċivili – mhux kontra armata, ħalli jbeżża’ ħafna nies – mhux jikkonvinċihom.

Filmati tat-twerwir
Dan hu li qed naraw f’sensiela ta’ filmati tat-twerwir, li fihom jidhru ostaġġi minn pajjiżi tal-Punent ħajjin imbagħad b’għonqhom imħanxar u rashom ħdejn jew fuq ġisimhom mejjet, u fl-aħħar tal-filmati dikjarazzjoni minn ostaġġ ieħor li jkun imiss jinqatel jekk il-koalizzjoni ta’ pajjiżi ma tiqafx toħodha kontra dal-istat terroristiku.

Fanatiżmu mxerred
Dan l-istat mhuwiex Iżlamiku għax l-Iżlam veru hu msejjes fuq is-sliem. Tant mhux Iżlamiku li wħud minn dawk li qatel fil-filmati huma fil-fatt ostaġġi li qalbu għall-Iżlam u xorta qatilhom. Imma dat-terrur qed isib appoġġ minn fanatiċi anke fil-Punent li jappoġġjawh f’pajjiżhom jew billi jmorru jiġġieldu għalih fl-Iraq u fis-Sirja.

Malta
F’Malta kien hawn rapport fil-gazzetta Il-Mument li qalet li saret dimostrazzjoni favur dal-grupp terroristiku. Il-Gvern ħareġ jiċħad. Imma issa jirriżulta li diversi nies ikkonfermaw li raw din id-dimostrazzjoni u semgħu lil min juri appoġġ għal dan il-grupp. Il-Gvern jidher ċar li għaġġel biex jipprova joskura lill-gazzetta Il-Mument meta dmiru hu li jinvestiga sewwa u jekk ikun il-każ jaġixxi kontra t-theddida tal-fanatiżmu.