Kultura

Il-Pittur Għawdxi Pawlu Camilleri Cauchi onorat bil-Premju Internazzjonali tal-Arti “Giuseppe Sciuti”

Fil-provinċja ta Catania, eżattament f’Zafferana Etnea fi Sqallija, nhar is-Sibt 27 ta Settembru, Pawlu Camilleri Cauchi ġie onorat bil-premju prestiġjuż internazzjonali tal-Arti Giuseppe Sciuti mis-Sindku ta Zafferana Etnea, Alfio Vincenzo Russo.  Din hija l-ewwel darba li ngħata premju bħal dan, taħt l-organizazzjoni tal-Kunsill ta’ Zafferana flimkien mal-Assoċjazzjoni Kulturali Giuseppe Sciuti. Iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni saret fis-Sala principali  tas-sede tal-Kunsill, f’Palazzo di Citta’, Via Garibaldi, quddiem folla kbira ta mistednin distinti u esperti tal-arti.

Preżenti wkoll għal din is-serata kien hemm il-panel magħmul minn ġurija esperta, immexxi mill-istoriku u kritiku tal-arti Profs Paolo Giansiracusa. Dan l-istoriku, fid-diskors tiegħu, saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-premju prestiġjuz imsemmi għall-artist Giuseppe Sciuti, imwieled proprju  ġewwa Zafferana Etnea (1834-1911).

L-Artist Pawlu Camilleri Cauchi filwaqt li ħassu onorat li ngħata dan il-premju, radd ħajr lil dawk kollha preżenti u rregala lill-Kunsill ta’ Zafferana Etnea pittura minn tiegħu li tirraffigura lil dan il-pittur Taljan, b’allegorija ta’ avvenimenti storiċi marbuta mal-istess Giuseppe Sciuti.