Qorti

Aġġornata: Jibda l-ġuri dwar il-hold-up fuq fergħa tal-Mid-Med Bank, l-ewwel wieħed tas-Sena Forensi

Ix-xhud jgħid li l-Pulizija kienet dik li sparat l-ewwel

George Xuereb, ta’ 49 sena mill-Marsa u magħruf bħala “It-Tiġieġu” beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Michael Mallia mixli li f’Marzu 1996 ipprova joqtol żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija wara hold-up minn tlett irġiel fuq il-fergħa tal-Mid-Med Bank f’St Andrews. Xuereb qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ akkuża, bl-aktar gravi huma dawk tal-attentat ta’ qtil u attentat ta’ serq bi vjolenza mill-Bank. Akkużi oħrajn huma ta’ serq ta’ vann u pistola li kienet bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-ġurija hi komposta minn ħames nisa u erbat’irġiel, filwaqt li l-Imħallef Tonio Mizzi jinsab maġenb l-Imħallef Michael Mallia minħaba li se jibda jippresiedi l-ġurijiet minflok l-Imħallef Quintano, li spiċċa ftit tax-xhur ilu bl-età. Xuereb qed jiġi akkużat ukoll li spara fid-direzzjoni tal-Pulizija, u li pprova jisraq madwar Lm100,000 mill-Bank. Il-ġuri mistenni jkun dibattut fuq punt kardinali, bid-Difiża mistennija targumenta li kienu l-Pulizija li sparaw l-ewwel, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed tgħid li kienu l-ħallelin li sparaw l-ewwel. Madankollu, il-hold-up ma kienx irnexxa, bil-ħallelin jispiċċaw ma jieħdux ċenteżmu minħabba li l-hold-up kien ġie sfrattat.

Il-każ kien seħħ fis-27 ta’ Marzu 1996 għall-ħabta tal-10.15am meta vann abjad b’faxxa ħamra, tal-marka Toyota Liteace, li misruq minn Raħal Ġdid u li kellu wkoll fuqu pjanċi misruqin minn vettura oħra waqaf quddiem il-fergħa tal-Bank. Mill-vann ħarġu tlett irġiel b’wiċċhom mgħammad u armati bi snieter isserrati u pistola. Kif daħlu l-Bank, wieħed mill-ħallelin ta daqqa tal-manku tas-senter lill-Kuntistabbli Maurice Laferela, li kien għassa mal-fergħa tal-Bank.

Sadanittant, iż-żewġ ħallelin l-oħrajn marru fuq il-counter u fl-Uffiċċju tal-Manager, fejn bdew jitolbu ċ-ċwievet tas-safe. F’dan il-ħin, wieħed mill-impjegati fil-fergħa, li dak il-ħin inzerta fis-sular ta’ fuq, ħareġ fit-tieqa u beda jgħajjat li kien qed isir hold-up. L-għajjat ġibed l-attenzjoni ta’ bosta nies li kienu fl-inħawi tal-fergħa tal-Bank, fosthom ta’ żewġ Pulizija tal-Mobile, li b’kumbinazzjoni inzertaw kienu għand Bonello Petrol Station, li tinsab biswit il-Bank.

Iż-żewġ Pulizija skjeraw ruħhom armati wara ċint li kien hemm fil-viċin u kif il-ħallelin indunaw bihom ħarġu jiġru ‘l barra mingħajr ma ħadu l-flus. Fil-pront, il-Pulizija wissew lill-ħallelin biex jieqfu iżda l-ħallelin wieġbu billi sparaw tiri fid-direzzjoni tal-Pulizija. Il-Pulizija sparat lura u laqtet lil wieħed mill-ħallelin, Joseph Polidano minn Ħal Kirkop u magħruf bħala “Żeppi l-Għarbi”, li spiċċa ferut fil-pexxun. Madankollu, il-ħallelin rikbu fil-vann Toyota u b’saħħa kbira saqu mill-post. Huma rmew is-senter isserrat, li aktar tard ġie elevat mill-Pulizija. Dak il-ħin bdiet tfittxija għall-ħallelin b’diversi mezzi.
Iżda skont ix-xhieda ta’ Polidano kienu l-Pulizija li sparaw l-ewwel fuqhom. Hu beda jsostni li kienu ħamsa nvoluti, mhux tlieta. Tenna li kien hemm ukoll magħhom ċertu George Cutajar, “Il-Manoċċ” u Amadeo Brincat, iż-żewġt irġiel, li m’għaddewx proċeduri fuq il-każ. Bix-xhieda tiegħu Polidano qala’ ċamata mingħand l-Imħallef Michael Mallia minħabba li kemm il-darba biddel il-verżjoni tax-xhieda tiegħu dwar il-każ.

Joseph Polidano, li mistenni jixhed fil-ġuri, kien ġie kkundannat 10 snin ħabs wara proċeduri li kien għadda fil-Qorti, filwaqt li l-ħalliel l-ieħor, Carmelo Spiteri ta’ 59 sena mill-Fgura u magħruf bħala “Bizabellu”, ukoll kien ikkundannat 10 snin ħabs wara li ammetta l-akkużi miġjubin kontrieh. Iż-żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija stazzjonati mal-Mobile Squad, Carmel Cilia u Edward Falzon, kienu dawk li rnexxielhom jisfrattaw is-serqa, filwaqt li hu mifhum ukoll li min-naħa tal-ħallelin kien hemm theddid bil-fomm indirizzati lejn il-Pulizija u xi ħaddiema tal-Bank.

Il-Prosekuzzjoni fil-ġuri ta’ George Xuereb qed tkun komposta mill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Lara Lanfranco u Kevin Valletta, filwaqt li għall-akkużat qed jidher l-Avukat Raphael Fenech Adami.