Lokali Saħħa

Is-serq fil-parkeġġ ta’ Mater Dei qed jiżdied għax il-Management mhux iżomm mal-wegħdi li għamel

Is-sitwazzjoni fil-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei sejra mill-ħażin għall-agħar wara li numru ta’ infermiera u qwiebel qed jispiċċaw jaslu tard għax-xogħol kawża tan-nuqqas ta’ parkeġġi u numru ta’ każijiet ta’ serq f’vetturi tal-viżitaturi. Dan mhux qed iħalli ħlief lok għal aktar azzjonijiet industrijali wara li l-finanzi tal-Isptar qed jintużaw biss għall-prijoritajiet tal-Management, filwaqt li l-bżonnijiet tal-infermiera u l-qwiebel mhux jingħataw l-ebda prijorità.

Dan stqarru f’email li l-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace bagħat lill-Management tal-Isptar u li MaltaRightNow.com għandu kopja tagħha. Pace fakkar kif il-Management għandu numru ta’ parkeġġi riżervati għalihom, iżda l-infermiera u l-qwiebel qed jitqiesu daqslikieku “underdogs” mit-tmexxija.

Il-parkeġġ tal-Mater Dei għadu totalment diżorganizzat, kiteb il-President tal-MUMN, li spjega kif s’issa għad m’hemmx sigurtà b’cameras minkejja l-wegħda li saret sitt xhur ilu. Dan qed iwassal biex il-pubbliku juża’ anke l-ftit spazju li hemm għall-vetturi tal-infermiera u l-qwiebel, bir-riskju li s-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar kif jinfetaħ l-Isptar tal-Onkoloġija qrib Mater Dei.

Fis-sitwazzjoni, Paul Pace ġibed l-attenzjoni tal-Management tal-Isptar Mater Dei li sfortunatament l-union m’għandhiex għażla oħra ħlief li tniexi aktar azzjonijiet industrijali jekk is-sitwazzjoni tibqa’ ma titranġax. Fakkar kif minħabba li l-wegħdiet li saru lill-MUMN baqgħu ma twettqux, fil-jiem li għaddew kien hemm membri tal-istaff li spiċċaw vittmi ta’ serq fil-vetturi tagħhom, fosthom xi ħadd li saħansitra serqulu l-battery tal-karozza.