L-eks Chairman tal-Enemalta, Alex Tranter qal li l-prezz taż-żejt, il-volum u minn għand min jinxtara ż-żejt kien jiġi deċiż mill-kumitat, li tiegħu hu kien Chairman tal-Kumitat. “B’l-ebda mod ma konna nikkonsultaw mal-Ministru Austin Gatt, qabel jinxtara maż-żejt. Huwa qal ukoll li meta iltaqa’ ma’ George Farrugia qatt ma semmielu lil Austin Gatt. Waqt il-kontro eżami; Tranter qal li qatt ma inħarġet xi kontro ordni dwar żejt mill-Ministru ta’ dak iż-żmien Austin Gatt.
Huwa qal li mal-kumitat ħadd ma kien jintervjeni,” Qal ukoll li jaf aġenti Maltin tal-kumpaniji taż-żejt, madankollu ma jistax jiddentifika persuna waħda.
Tranter xehed dan f’kawża ta’ libell li għamel l-eks ministru Austin Gatt lil Saviour Balzan, editur tal-Malta Today, dwar artiklu li deher fl-istess gazzetta li fih ingħad li Austin Gatt kien iltaqa ma’ George Farurgia biex jiġi diskuss ix-xiri taż-żejt. Huwa qal li għażel li ma jibqax Chairmn tal-Enemalta, għax mar jaħdem barra minn Malta.
Huwa qal li ma jiftakarx li George Farrugia, li ngħata l-proklama dwar l-iskandlu ta’ xiri ta’ żejt fl-Enemalta, kien tah xi rigal ta’ €900. Tranter lanqas jiftakar jekk Farrugia qattx iffinanzja attività tal-mara tiegħu.
Fix-xhieda tiegħu Alex Tranter qal li kien ġie appuntat bħala Chairman tal-Enemalta fl-1 ta’ Lulju tal-2005. Il-Ministru responsabbli kien Austin Gatt u ħa post Tancred Tabone. Qal li wara l-2005, Tabone ma kellu l-ebda irwol fl-Enemalta u li Frans Sammut ma kienx fil-bord tiegħu.
Alex Tranter qal li ma jiftakarx jekk fil-bord kienx għad hemm membri li kienu jservu taħt Tabone. Tenna iżda li jidhirlu qal li sa fejn hu kollha inbidlu, imma ma kienx ċert. Qal ukoll li meta kien involut fix-xiri taż-żejt bħala Chairman tal-Procurment Committee, qatt ma ddikjara li kellu kunflitt ta’ interess mal-Ministru, għax ma kienx hemm. Qal li x-xiri taż-żejt kien jinxtara mill-kumitat taż-żejt. Dwar il-kumpaniji Trafigura u Totsa qal li kien jaf li kienu jipparteċipaw fix-xiri taż-żejt.
L-Avukat Zammit Maempel li qiegħed jidher għal Austin Gatt oppona għal dawn il-mistoqsijiet li saru minn Toni Abela li qiegħed jidher għal Saviour Balzan. Tranter qal li kien hemm infomrazzjoni li kien jgħaddi lill-Ministru. Qal li kien jibgħatlu email, fuq dak li kien jiġi diskuss u l-konklużjonijiet li kienu jsiru wara dawn il-laqgħat.
Kompla jgħid li jaf aġenti Maltin tal-kumapniji taż-żejt, madankollu ma jistax jiddentifika persuna waħda. Ir-rappreżentant ta’ Totsa u Trafigura kien George Farrugia. Madankollu qal li hu kien aktar jafu bħala rappreżentat ta’ Totsa biss. Kien biss lejn l-aħħar li sar jaf li kien qed jirrapreżenta lil Trafigura.
“Ma nafx kemm kont ilni Ċermen. Però sirt naf snin wara. Jien kont nitlaqa’ mar-rappreżentanti barranin ta’ Totsa u Trafigura.
Ma kont naf bl-ebda mod li Geroge Farrugia kien rappreżentant ta’ Trafigura. Qaluli internament. Lanqas naf jekk internament kemm kien ilhom jafu. Lanqas naf jekk kontx għadni Ċermen tal-Enemalta meta sirt naf b’dan,” xehed Tranter Qal li kien jiltaqa’ ma’ rappreżentanti barranin dwar dak li għandu x’jaqsam ma’ xiri ta’ żejt. Ir-rappreżentant Malti kien joqgħod barra mill-meeting. Tranter ma kienx ikun waħdu. Qal li l-uffiċjali tal-Enemalta li kienu jkunu preżenti miegħu kienu s-CEO, CFO u dak responsabbli mill-petrolium division.
Tranter qal li jgħoddhom fuq ponot subgħajh kemm il-darba ltaqa’ ma’ George Farrugia tul il-ħames snin li għamel Chairman. Huwa qal li kien jiltaqa ma’ Farrugia b’mod informali, meta kien ikun hemm xi ikla. Qatt b’mod formali waqt laqgħat. “Qatt ma kelli negozjati ma’ George Farrugia,”.
“Kif inti Chairman u ma kontx taf x’kienet l-attivitá ta’ Farrugia?” staqsa l-Avukat Toni Abela. Tranter reġa’ qal li n-negozjati kollha kienu jsiru mar-rappreżentati barranin tal-kumpaniji.
Fil-bidu tas-seduta, Raymond Scicluna, rappreżentat tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, ippreżenta d-dokumenti kollha tax-xhieda tal-PAC dwar il-każ taż-żejt, li l-ewwel seduta saret fis-26 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet. F’din is-seduta kien imħarrek biex jixhed George Farrugia, imma ma deherx. Mistennija jixhdu wkoll Tancred Tabone u Frank Sammut. Is-seduta li jmiss se tinstema fis-27 ta’ Novembru.
//= $special ?>

