Lokali

Titnieda l-Fondazzjoni Lisa Marie biex il-mewt taż-żagħżugħa tinbidel fi proġett pożittiv u kostruttiv

Seba’ xhur wara l-mewt ta’ Lisa Marie Zahra, ta’ 15-il sena, missierha Tony u kuġinuha Winston J Zahra nedew il-Fondazzjoni Lisa Marie, bl-għan li tibdel esperjenza traġika fi proġett pożittiv u kostruttiv. Winston Zahra spjega kif l-iskop tal-Fondazzjoni mhux li titħaddem bi skop ta’ qliegħ, iżda li tħares u tippromwovi l-ħarsien tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Il-Fondazzjoni Lisa Maria se taħdem biex tassigura li l-aħjar prattiċi ta’ ħidma, kodiċi ta’ etika u imġieba, proċeduri ta’ reklutaġġ u oqsma ta’ taħriġ u assistenza jiġu fis-seħħ biex l-interazzjoni bejn il-professjonisti u ż-żgħażagħ tkun sikura, pożittiva u ta’ tkabbir.

Il-Fondazzjoni Lisa Marie għandha l-għan li topera id f’id ma’ organizzazzjonijiet governattivi u non-governattivi, kif ukoll mal-istituzzjonijiet edukattivi u awtoritajiet oħrajn li jaħdmu biex jipprovdu ambjent sikur għat-tfal u ż-żgħażagħ.