Jesmond Zerafa se jkun qed jirritorna fil-Kampjonat Premier wara nuqqas ta’ ftti xhur hekk kif l-istaġun li għadda kien fit-tmexxija ta’ Balzan. Huwa se jkun qed jieħu post Winston Muscat li sar l-ewwel kowċ fil-Premier dan l-istaġun li tilef postu. Huwa ħalla l-klabb li miegħu kien rebaħ il-promozzjoni lejn il-Premier fi tmiem l-istaġun 2012-13.
“Inħossni ftit sodisfatt għaliex wara sitt xhur ma nagħmel xejn dan l-aħħar bdejt noqmos ftit. Sodisfazzjon ukoll li Naxxar interessaw ruħhom fija. Nemmen li hemm potenzjal għaliex naħseb li l-mira hi li jevitaw ir-relegation. Hemm plejers li għandhom ċertu potenzjal imma trid taħdem u mhux faċli. Qed nistenna bil-ħerqa li nibda din l-avventura,” qal Zerafa li se jmexxi l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ illum.
Zerafa jidher li jħobb il-pressjoni għaliex jemmen li jekk kowċ ma jkollux din il-pressjoni ma jista’ qatt itejjeb il-prestazzjoni tiegħu.
L-eks kowċ ta’ Balzan u Valletta fost l-oħrajn, qal li tkellem mal-President Dione Drago u għaraf kemm hu persuna dedikata li jagħmel minn kollox biex iżomm il-plejers kuntenti u issa hu bħala kowċ ġdid jeħtieġ l-għajnuna ta’ kulħadd biex jinqalgħu minn din is-sitwazzjoni.
Naxxar Lions bħalissa jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar bi tliet punti biss minn seba’ partiti li fihom ħadu tliet draws u erba’ telfiet waqt li għadhom mingħajr rebħa.
“Bla dubju li l-kowċ li kien hemm qabli kellu potenzjal għaliex jien naf lil Wintson b’mod personali u naf il-potenzjal li għandu. Żgur li ma kienx t-tort tiegħu għal din is-sitwazzjoni imma kif kulħadd jaf fil-futbol l-ewwel li jiblagħha l-kowċ u jien għandi din l-esperjenza li kont tneħħejt meta ġibt l-unuri aħseb u ara meta ma ġġibx unuri.”
Zerafa qal li qabel ħa d-deċiżjoni tkellem ma’ Winston Muscat biex ikun ċert li mhu se jkun qed jidħol fuq ħadd għax ried ikun komdu u ħa sorpriża b’dak li qallu l-predeċessur tiegħu.
“Meta ċempilt lil Winston biex juri kemm hu raġel qalli mur għaliex hu klabb tajjeb u tista’ taħdem. Kien hu li ġiegħlni mmur man-Naxxar,” qal Zerafa li kkonferma li l-Ġimgħa se jkun qed jilgħab partita ta’ ħbiberija kontra Balzan fejn se japprofitta mill-waqfa tal-Premier biex jipprova jkun preparat għall-ewwel impenn uffiċjali kontra Żebbuġ, l-aħħar tim fil-klassifika. “Dan mhux biżżejjed imma ma nistax nistenna l-ħin u ż-żmien għaliex il-pożizzjoni mhix idejali.”
Kuntattjat minn dan il-ġurnal Winston Muscat qal li kellu laqgħa filgħodu mal-Presdent u ntlaħaq ftehim bejn it-tnejn biex ma jkomplix fil-kariga ta’ kowċ. Muscat, li ma xtaqx jelabora dak li ntqal fil-laqgħa qal biss li kien ilu jumejn jaħseb dwar dan wara l-logħba kontra Hibernians għaliex matul dawn l-ewwel seba’ partiti kien ‘kuntent biss sa ċertu punt’. Hu kkonferma wkoll li l-ftehim li laħaq mal-President jippermettilu li jista’ jmexxi klabb ieħor anke b’mod immedjat.
Il-President Dione Drago f’kumment waqt il-programm Replay Ikompli fuq Radio 101 qal, wrara l-logħba kontra Hibs evalwaw is-sitwazzjoni u kontra qalbu kellu jittermina l-kuntratt b’mod amikevoli ma’ Winston Muscat.
“Wara sentejn u nofs taħdem ma’ kowċ ma kinitx faċli li tittermina l-ftehim. Jien li m’għandix esperjenza kbira fil-futbol ma tantx kelli sitwazzjonijiet bħal dawn,” qal Drago.
Il-President ta’ Naxxar qal ukoll li l-ftehim ma’ Jesmond Zerafa se jkun jinvolvi li l-plejers jittrenjaw darbtejn kuljum.
//= $special ?>

