Lokali

X’jiġri jekk l-inċident tal-bieraħ fil-Port Ħieles iseħħ la jkun hemm it-tanker 700m bogħod? Jikkummenta Carmel Cacopardo

Il-maltempata qawwija tal-bieraħ waranofsinhar, li waslet biex vapur marbut mal-moll jinqala’ mill-poppa wara li nqatgħu l-ħbula li kienu qed iżommuh, kienet is-suġġett ta’ artiklu fil-blogg tal-Viċi Chairman tal-AD Carmel Cacopardo. Cacopardo jispjega dak rappurat fil-gazzetti, jiġifieri li dan l-inċident wassal għal mument ta’ tensjoni fil-Port Ħieles b’interventi fil-ħin minn laneċ tal-irmonk li wasslu biex il-vapur seta’ jerġa’ jintrabat mal-moll.

Carmel Cacopardo spjega li dan mhux inċident iżolat, iżda wieħed minn ħafna li kemm-il darba jseħħu. Il-qawwa tar-riħ u s-saħħa tal-mewġ mhux diffiċli li tkun ferm aktar minn dik tal-bieraħ, sostna Cacopardo, li spjega li fil-futur qrib, għandu jkun hemm it-tanker bil-ħażna tal-gass għall-użu tal-Power Station il-ġdida madwar 700 metru bogħod mill-vapur involut fl-inċident tal-bieraħ. Spjega li “jekk vapur fil-Port Ħieles jinqatgħulu ċ-ċimi kompletament, mhux impossibli li l-qawwa tar-riħ u l-mewġ iħabbtuh b’saħħa fit-tanker bil-ħażna tal-gass”.

Il-Viċi Chairman tal-AD sostna li dawn huma “affarijiet tal-biża’, li minkejja li tkellimna dwarhom ma ttieħdux f’konsiderazzjoni meta l-MEPA ħadet id-deċiżjoni dwar il-Power Station … Dawn issa huma l-fatti, u mhux aktar x’naħsbu li jista’ jiġri”, żied Cacopardo. Sostna wkoll li “l-istudju marittimu dwar il-Bajja ta’ Marsaxlokk, kieku sar, seta jitfa’ dawl fuq dawn it-tip ta’ inċidenti, hekk kif dawn huma inċidenti li ġraw fil-passat u li possibbli jibqgħu jiġru”.