Delegazzjoni Parlamentari Maltija, immexxija mill-iSpeaker Anġlu Farrugia, qed tattendi Konferenza tas-Small Branches organizzata mill-Commonwealth Parliamentary Association (CPA) f’Yaoundè fil-Kamerun. Il-konferenza nfetħet mill-iSpeaker tal-Maldives, bħala ċ-Chairperson tas-Small Branches, u fost dawk li indirizzaw lid-delegati kien hemm iċ-Chairman tal-Kumitat Eżekuttiv tas-CPA Sir Alan Haselhurst.
Fid-diskors tiegħu, Haselhurst irrefera għaż-żjara li kien għamel f’Malta aktar kmieni din is-sena u faħħar ħafna s-sehem ta’ Malta fis-CPA, b’mod partikolari fejn jidħlu l-pajjiżi ż-żgħar. Semma’ wkoll il-fatt li s-sena d-dieħla Malta se tospita ċ-CHOGM. Matul il-konferenza ġew diskussi, bl-aktar mod speċjalizzat, temi u suġġetti li jirrigwardaw l-isfidi li jiffaċċjaw il-pajjiżi żgħar fejn jidħol l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, kif ukoll ir-rwol tal-Parlament fejn jidħlu l-persuni l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà.
Fl-intervent tiegħu fuq is-suġġett tal-vulnerabbiltà, l-iSpeaker Farrugia qal li jridu jkunu l-partiti li jirbħu l-elezzjonijiet li jaraw li malli jkunu fil-Gvern iwettqu l-wegħdiet li jkunu għamlu fil-Manifest Elettorali tagħhom. Semma’ l-Liġi li għadda l-Parlament Malti aktar kmieni din is-sena, li tat drittijiet lil ċerti minoranzi. Anġlu Farrugia intervjena wkoll fid-diskussjoni li saret dwar il-proposta li jinħatar Chairperson tal-pajjiżi ż-żgħar, fejn qal li kemm hu kif ukoll id-delegazzjoni Maltija kienu favur il-proposta.
Din il-proposta għaddiet b’mod unanimu mill-Konferenza u issa qegħda għall-konsiderazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv. Id-delegazzjoni magħmula tinkludi wkoll lid-Deputat Nazzjonalista David Agius u lid-Deputati Laburisti Carmelo Abela u Anthony Agius Decelis.
//= $special ?>

