Qorti

Baqa’ dieħel fil-grada taċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa wara li seraq ‘notebook’ miż-Żurrieq

Somalu ta’ 30 sena ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li l-Ħadd li għadda seraq kompjuter notebook tat-tip Samsung b’valur ta’ aktar minn €233, minn residenza fiż-Żurrieq għad-dannu tal-Olandiż Roelof Henk Meinders, u saq saċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa fejn baqa’ dieħel fil-grada tal-istess Ċentru.

Abdiwahab Ahmed Ali, residenti l-Ħamrun, ammetta li wettaq ir-reat meta kien fis-sakra u li wettaq ħsara għad-dannu tal-Gvern ta’ Malta, li tlaħħaq is-€600. L-inċident fil-Marsa seħħ għall-ħabta tad-9.30am meta kien qed isuq karozza tat-tip Hyndai b’mod perikoluż. Hu ammetta wkoll li ma kienx f’kundizzjoni li jsuq karozza minħabba li kkonsma ammont konsiderevoli ta’ alkoħol. Prova ta’ dan ingħatat wara li sar test tal-breathalyser.

Is-Somalu ammetta wkoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti, b’Digriet tal-Maġistrat Tonio Micallef Trigona tat-23 ta’ Lulju 2013. Il-Qorti qalet li kienet se tħalli s-sentenza għall-Ħamis li ġej.

Għall-akkużat deher l-Avukat Frank Cassar, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Priscilla Caruana.