FRANZA: Carlos “The Jackal”, it-terrorista magħruf, li wettaq diversi attakki fis-sebgħinijiet u fit-tmeninijiet, se jgħaddi ġuri mill-ġdid fi Franza għall-qtil ta’ żewġ persuni fl-1974.
Rivoluzzjonarju mill-Venezwela, li kellu stil uniku biex iwettaq attakki terroristiċi, qed ikun akkużat li tefa’ bomba tal-idejn f’Pariġi li wkoll ħalliet 34 persuna midruba.
L-isem veru ta’ Carlos “The Jackal” hu Ilich Ramirez Sanchez. Wara snin jaħrab il-ġustizzja, hu nqabad fl-1994 u ntbagħat il-ħabs għal għomru.
Imħallef li jispeċjalizza f’każijiet kontra t-terroriżmu ordna li Sanchez jerġa’ jittella’ l-qorti. It-terrorista famuż ta’ 64 sena ammetta li kien wettaq l-attakk fi spiżerija fil-15 ta’ Settembru tal-1974, f’gazzetta Alġerina ħames snin wara.
Francoise Rudetzki, il-kap tal-federazzjoni għal vittmi nazzjonali ta’ reati kriminali fi Franza qalet li din l-aħbar kienet “rebħa għall-ġustizzja u għall-vittmi” filwaqt li tat messaġġ lit-terroristi – li jkun xi jkun il-perjodu taż-żmien, wieħed ma jistax jaħrab il-ġustizzja.
//= $special ?>