Editorjal

Editorjal: Il-Labour iżid id-dejn tal-Gvern b’€413m

Dan l-aħħar ħarġu ċ-ċifri dwar il-qagħda tal-finanzi tal-Gvern f’Awwissu li għadda. Dawn iċ-ċifri jgħidu kemm ikun id-dejn tal-Gvern fl-aħħar ta’ kull xahar u huma statistika li l-Partit Laburista kien juża ħafna fl-Oppożizzjoni.

Iz-zalza tajba mal-wiżża, tajba mal-wiżżu
Jekk iċ-ċifra tad-dejn li toħroġ kull xahar kienet kejl tajjeb meta l-Labour kien fl-Oppożizzjoni, tibqa’ kejl tajjeb meta l-Labour qiegħed fil-gvern. Kif jgħidu l-Ingliżi, iz-zalza li hi tajba mal-wiżża, tajba wkoll mal-wiżżu.

Żieda ta’ 413-il miljun ewro fid-dejn mill-elezzjoni
Iċ-ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li, minn Marzu tas-sena l-oħra meta l-Labour tela’ fil-gvern, sa sal-aħħar t’Awwissu, id-dejn tal-Gvern żdied b’413-il miljun ewro.

X’hemm x’juri għalih?
L-argument dwar id-dejn hu, bħad-dejn fuq dar li tixtri, argument dwar x’għandek x’turi għalih. Id-dejn li sar qabel hemm x’naraw għalih: il-lista twila ta’ proġetti li tara f’kull qasam mill-Freeport f’Birżebbuġa sa Għawdex. L-istess mistoqsija trid issir issa: x’għandu x’juri dal-Gvern għad-dejn li għamel ta’ 413-il miljun ewro?

Rix ħaddieħor
Dal-Gvern m’għandu l-ebda proġett x’juri għad-dejn li għamel għax il-proġetti kollha li fetaħ u li għaddejjin huma kollha proġetti bil-flus tal-Unjoni Ewropea li l-Labour kien kontriehom u li l-flus għalihom akkwistawhom kollha gvernijiet Nazzjonalisti.

Tberbiq fuq tal-qalba
Dak li jista’ juri l-Labour għad-dejn ta’ 413-il miljun ewro li għamel hu t-tberbiq fuq tal-qalba, fuq il-kabinett lussuż, fuq in-nies tal-ministeri, fuq il-ħafna ħatriet lil tal-qalba fosthom nies jiġu mill-Ministri, ewlenija fosthom il-mara ta’ Konrad Mizzi.

Il-Profs Scicluna jiżvija lill-ġurnalisti
Naturalment, issa nistennew lill-Ministru tal-Finanzi, il-Profs Edward Scicluna, jerġa’ jipprova jiżvija lill-ġurnalisti dwar id-dejn li għamel il-Gvern Laburista bħalma pprova jiżvijahom fuq l-impjiegi mal-Gvern fejn daħħal 3,700 ruħ. Il-Profs Scicluna ġie mgiddeb biċ-ċar, anke mill-Awtorità tal-Istatistika, u ma jistax jaħrab mill-fatti.

Il-fatti ċari
Il-fatti huma li d-dejn tal-Gvern fl-aħħar sena u nofs tela’ b’rankatura qawwija. Dan hu Gvern li wiegħed li jagħmel baġit bilanċjat, jiġifieri li ma jżidx id-dejn. Imma l-fatti huma ċari u juru li l-Gvern Laburista żied id-dejn pubbliku b’413-il miljun ewro.