Qorti

Ikompli l-ġuri dwar l-attentat hold-up fuq fergħa tal-Mid-Med, Pulizija jgħid li meta l-ħallelin ħarbu mill-post ma sparax biex joqtol

Aġġornata: Wieħed miż-żewġ Pulizija li waslu fil-post waqt il-hold-up li sar fuq fergħa tal-Mid Med Bank qal li hu ma kienx qed jispara biex joqtol waqt li kienu qed jiġu skabjati tiri bejn il-Pulizija u t-tliet ħallelin. Tenna li kienu sparati total ta’ 12-il tir mill-Pulizija.

Din ix-xhieda ngħatat mill-Kuntistabbli Edward Falzon, li dak iż-żmien kien stazzjonat mal-Iskwadra tal-Mobile tal-Pulizja. Hu kien qed jixhed fil-konfront ta’ George Xuereb, ta’ 49 sena mill-Marsa, li beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Michael Mallia. Xuereb qed ikun mixli li f’Marzu 1996 ipprova joqtol żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija wara hold-up li kien sar minn tlett irġiel fuq il-fergħa tal-Mid-Med Bank.

Xuereb qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ Akkuża, bl-aktar gravi huma dawk tal-attentat ta’ qtil u attentat ta’ serq bi vjolenza mill-Bank. Akkużi oħrajn huma dik ta’ serq ta’ vann u pistola, li kienet bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Falzon qal li hu ma spara l-ebda tiri ta’ twissija u li hu ma kienx qed jimmira għall-partijiet ta’ fuq tal-ħallelin.

Ix-xhud iddeskriva l-mument meta ħares fiss lejn għajnejn wieħed mill-ħallelin u ra bullet ħierġa minn pistola ta’ wieħed minnhom. Qal li hu u l-kollega tiegħu nnutaw vann abjad, li ma kien hemm ħadd fih. Il-ħġieġ tiegħu kienu magħluqin u waħda mill-bibien tal-ġenb miftuħa. Kienu tlieta li ħarġu mill-Bank, b’wieħed minnhom li kien irqiq ġera lejn il-vann u daħal fis-seat tax-xufier. Qal li hu baqa’ kkonċentrat lejn il-Bank u wieħed mill-ħallelin rah u sparalu tir.

Edward Falzon kompla jgħid li dak il-ħin ta ordni lill-ħallelin biex jieqfu mill-ewwel, iżda huma sparaw u l-Pulizija għamlet l-istess. Mat-tielet tir, wieħed mill-ħallelin instema’ jibki bl-uġiegħ. Qal li wieħed mill-ħallelin kien sejjer lejn il-vann u f’dan il-ħin intlaqat ħalliel ieħor. Il-vann ħarab mill-post fid-direzzjoni ta’ San Ġiljan. Kompla li huma daħlu fil-karozza u segwew il-vann. Waqt din il-ġirja, il-vann laqat karozza li kienet mimlija turisti, li iżda ma weġġgħux.

Madankollu, qal ix-xhud, meta waqfu biex jaraw li t-turisti m’għandhom xejn, tilfu lill-ħallelin u reġgħu marru mill-ewwel fix-xena tar-reat. L-istess verżjoni ngħatat ukoll minn Kuntistabbli ieħor, Emanuel Cilia, li qal ukoll li ra ħaddiem tal-Bank jagħmel il-mossi mill-ewwel sular tal-Bank u indika li kien se jseħħ hold-up.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Mario Tonna, li mar fil-post wara l-attentat ta’ serqa, qal li wħud mill-ħaddiema tal-Bank raw żewġ ħallelin u kien hemm min ra tlieta. Hu kkonferma li l-Kuntistabbli Maurice Laferla, li kien għassa mal-Bank, ukoll ra tliet ħallelin. Wieħed minnhom żammu u l-oħrajn daħlu ġewwa.

L-ex Spettur Mario Bonnici qal li fil-Bank instabu żewġ snieter u l-Ispettur Carmelo Magri semma’ kif hu kien ingħata l-inkarigu li jinvestiga l-każ sena wara li seħħ ir-reat. Is-superjuri tiegħu, dak iż-żmien is-Superintendent John Rizzo, kien qallu biex ikellem lill-akkużat George Xuereb, li iżda baqa’ sieket. Il-Pulizija kienu konvinti li Xuereb kellu x’jaqsam mal-każ u wara ħarġu l-akkużi fil-konfront tiegħu.

Fil-Qorti, inqrat ukoll l-istqarrija li kien ta l-Pulizija li kien għassa mal-Bank. Maurice Laferla, li f’dawn is-snin laħaq miet, kien iddeskrieva x-xena ta’ meta l-ħallelin daħlu fil-Bank. Qal li għall-ħabta tal-10.30am ħass pressjoni kbira mal-bieb qabel ma żewġ ħallelin daħlu jiġru u mbuttawh. Qal li dawn kienu lebsin boilersuits blu bit-tikketta “GM” (Gvern ta’ Malta) kif ukoll balaklavi. Dawn bdew jgħajjtu “hold-up, hold-up” u “tiċċaqalqux”.

Laferla kien qal li wieħed mill-ħallelin kien qed ixejjer senter isserrat u ordnalu biex jagħtih il-pistola tas-Servizz, iżda dan qallu li ma kienx armat. Tliet minuti wara, il-ħalliel li kellu s-senter isserrat ra lill-Pulizija barra u lemaħ ukoll il-pistola tiegħu. Dan tah daqqa fuq rasu u ħarab mill-post ma’ tnejn oħra. Laferla kien qal li sema’ xi tiri barra l-Bank u vann jaħrab minn fuq il-post.

Wara x-xehed it-Tabib Ramon Tonna, li mar jara lill-ħaddiema tal-Bank wara l-attentat ta’ serqa. Hu qal li fil-Bank kien hemm xeni ta’ kommossjoni u kulħadd kien beżgħan. Qal li kien beda jinvista numru ta’ persuni, fosthom lill-Manager tal-Bank, li ma kienx qed iħossu f’siktu. Dan kien eċitat ħafna u kellu pressjoni għolja ħafna. Ħafna mill-ħaddiema kellhom ukoll xokk qawwi fuqhom.

Ħareġ ukoll minn espert tal-Qorti li filmati minn “Closed Circuit Television” (CCTV) li ttieħed mill-bank ma jistax jintuża iżjed minħabba li t-tape ta’ dak iż-żmien m’għadux tajjeb. Il-mod kif kienu jsiru it-tapes dak iż-żmien jiddeterjoraw wara perjodu ta’ żmien.

Xhud ieħor kien Paul Azzopardi, “deliveryman”, li qal li l-vann li ntuża fil- “hold-up” insteraq lilu minn Raħal Ġdid, meta hu kien ġewwa fil-kumpanija li kien jaħdem magħha. Qal li hu ħalla ċ-ċwievet fil-karozza peress li kien se joħroġ bil-karozza fi ftit tal-ħin. Imma lanqas laħqet għaddiet minuta li ma semax’ il-vann jistartja u din insterqet. Qal li kienet ipparkjata faċċata tal-maħżen tal-kumpanija.

Qal li meta nstabn il-vann, dan ma kellux iżjed il-logo tal-kumpanija li kienet iġġib isimha. Meta ntwera’ ritratt tal-vann, huwa kkonferma li kien hu, iżda qal ukoll li l-pjanċi tal-karozza ma kienux tagħha. Huwa qal li ma għaraf lil ħadd min kien telaq bil-karozza, anke jekk ħareġ barra jiġri mill-ewwel. Il-ġuri jkompli l-Erbgħa filgħodu.