Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ordnat lil Daniel Mercieca, minn Ħ’Attard, iħallas is-somma ta’ €34,161.88 ekwivalenti għal 3kg deheb li seraq minn żewġ linji ta’ produzzjoni meta kien jaħdem bħala Manager f’fabbrika. L-Imħallef Anthony Ellul ma laqax talba tal-kumpanija SGS, illum ST Microelectonics, li talbet is-somma ta’ €120,164.
Mercieca ammetta li kien seraq ammont ta’ deheb iżda mhux fl-ammont li kienet qed tgħid il-kumpanija. Il-Qorti qalet li mill-provi rriżulta li r-rapport li sar mill-kumpanija barranija KPMG AG Zurich ma kienx wieħed li juri li din tifhem f’dawn it-tipi ta’ linji tal-produzzjoni. Il-linji ta’ produzzjoni li fihom kien imexxi Mercieca jissejħu PBGA Lines u TQFP Optical Lines.
Il-kumpanija kienet qed issostni li l-ammont ta’ deheb misruq kien dak ta’ 10.58kg wara li qagħdet fuq ir-rapporti tal-KPMG AG Zurich. Mill-provi rriżulta wkoll li l-materjal ta’ deheb pur, li jkun qisu roll ħajt, jintuża’ fix-xogħol li tagħmel il-kumpanija. Dan jintuża’ għall-elettronika u jiġi maħdum f’forma ta’ ballun, bid-dijametru tiegħu jkun kbir daqs munita tal-ewro. Mir-roll u mix-xogħol, kien jibqa’ xi deheb żejjed li suppost jittieħed lura fl-istores tal-kumpanija.
Madankollu, mill-provi rriżulta li Mercieca kien jieħu dan id-deheb żejjed id-dar. Meta waslet għall-konklużjoni tagħha, il-Qorti qagħdet fuq diversi xhieda tal-fabbrika li kienu jaqgħu taħt iż-żewġ linji ta’ produzzjoni ta’ Mercieca, fosthom Ivan Ellul u Duncan Bondin. Meta semgħet lil Ellul u Bondin, kif ukoll fliet ir-rapport tal-kumpanija mqabbda, il-Qorti skopriet li r-rapport li sar ma kienx wieħed tekniku.
Mill-provi rriżulta wkoll li s-serq kien beda jsir fl-2002 u dam għaddej għal 78 ġimgħa bejn Jannar 2002 u Settembru 2004.
//= $special ?>

