SPANJA: Diversi investigaturi jinsabu f’Madrid wara li infermiera Spanjola saret l-ewwel persuna li nstabet pożittiva għall-marda tal-Ebola ’l barra mill-Afrika.
L-infermiera Spanjola ta’ 40 sena, kienet waħda minn 30 ħaddiem fi sptar f’Madrid li kienu qed jieħdu ħsieb lis-saċerdoti Miguel Pajares u Manuel Garcia Viejo li mietu f’Awwissu u f’Settembru rispettivament kawża tal-marda tal-Ebola.
Il-Kummissjoni Ewropea talbet lil Spanja biex tispjega kif l-infermiera ġiet infettata. Ir-raġel tal-infermiera, u membri oħrajn ta’ tim mediku, ukoll qed ikunu osservati.
L-infermiera kienet daħlet darbtejn fil-kamra fejn Garcia Viejo kien qed jiġi kkurat. U fiż-żewġ okkażjonijiet kienet liebsa lbies protettiv – ilbies li iżda, qajjem tħassib peress li qed jingħad li ma kienx adattat biżżejjed.
Antonia Alemany, id-direttur għall-kura tas-saħħa f’Madrid qalet li skont tagħrif li rnexxielha tikseb, l-infermiera daħlet fis-sala liebsa lbies protettiv u m’hemm ebda għarfien li l-infermiera kienet esposta għal xi riskju.
Barra minn hekk, kien rappurtat li l-isptar kien qed japplika miżuri stretti ta’ protezzjoni, fosthom żewġ settijiet ta’ ġagagi, ingwanti u nuċċalijiet apposta.
Madankollu, ħaddiema tas-saħħa qalu lill-ġurnal El Pais li l-ġagagi ma ppermettewx il-ventilazzjoni, l-ingwanti kienu tal-latex u marbuta bit-tejp.
//= $special ?>