Futbol Sport

Irridu niksbu r-rispett kontra n-Norveġja u l-Italja

EURO 2016

[headlines headline=”h3″ ]1,400 partitarji Norveġiżi għal-logħba tal-Ġimgħa [/headlines]

Bejn il-Ġimgħa 10 u t-Tnejn 13 ta’ Ottubru Malta se tkun qed tilgħab l-ewwel żewġ impenji tagħha f’pajjżna minn Grupp H ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2016 kontra n-Norveġja u l-Italja rispettivament. Dan wara li Malta diġà fetħet l-impenji f’Zagreb b’telfa rispettabbli kontra l-Kroazja.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo qal li minn dawn iż-żewġ partiti l-għan aħħari hu li t-tim Malti jikseb ir-rispett tal-avversarji ferm aktar kwotati minnha.

Vassallo rrefera wkoll għat-telfa 2-0 fil-Kroazja li waslet meta meta t-tim Malti kien qed jilgħab bi plejer anqas imma wera dixxiplina tattika tajba ħafna.

Hu qal li dan il-grupp iqisu viċin ħafna ta’ dak li konna fih għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-Brażil, bl-Italja u l-Bulgarija jerġgħu jkunu fl-istess grupp magħna u flok ir-Repubblika Ċeka hemm il-Kroazja li jqishom avversarji aħjar.

Is-Segretarju tal-MFA qal li għalkemm in-Norveġja m’għandhomx dak it-tm qawwi li kellhom fis-snin 90 xorta waħda se nsibu quddiemna skwadra diffiċli għaliex Malta dejjem sofriet kontra t-timijiet Skandinavi waqt li l-Italja ‘jibqgħu l-Italja’.

“Iż-żewġ timijiet kellhom bidla fil-kowċ u b’hekk hemm motivazzjoni ġdida. Rajna lit-tim Taljan fl-azzjoni kontra n-Norveġja f’Oslo fejn in-Norveġiżi minkejja li kienu f’darhom ma tawx xutt fil-lasta. L-Italja se jkunu qed ifittxu li jieħdu sitt punti minn dawn il-konfronti kontra l-Azerbaijan u Malta u n-Norveġja jridu l-ewwel rebħa. Aħna l-mira hi li nirbħu r-rispett fil-pitch. Għandna fiduċja sħiħa fil-plejers u l-istaff tekniku. Hemm plejers taħt il-21 sena li sabu posthom mhux biss fl-iskwadra tal-kbar imma anke fl-ewwel 11,” qal Vassallo.

Huwa kompla li l-mira tal-MFA hi li tibni tim aktar b’saħħtu speċjalment li mill-2018 se jibda jintlagħab dak li qed jissejjaħ il-Kampjonat tan-Nazzjonijiet fejn Malta se tkun tista’ tibda tilgħab kontra timijiet tal-istess livell tagħna wkoll.

Sodisfatt bil-bejgħ tal-biljetti
Waqt din il-konferenza Vassallo tkellem ukoll dwar kif sejjer l-andament tal-bejgħ tal-biljetti għal dawn il-partiti u qal li jinsab sodisfatt ħafna fejn ħafna miz-zoni fl-istadium huma mibjugħa għaż-żewġ partiti waqt li fl-istess ħin l-MFA se tibqa’ tonora l-Football Social Responsabilities b’biljetti lil għaqdiet filantropiċi, nurseries u persuni bi problemi soċjali.

Huwa qal li għall-partita tan-Norveġja s’issa nbiegħu madwar 60% tal-biljetti waqt li għal dik kontra l-Italja s’issa nbiegħu 80%. Semma kif għall-isfida tal-ġimgħa se jkunu ġejjin madwar 1,400 partitarju Norveġiż.

Fl-aħħarnett Vassallo qal li dawn huma partiti tal-UEFA u hi l-UEFA li tordna meta u fi x’ħin jintlagħbu. Huwa qal għal wara li kien hemm min ikkritika lill-MFA li l-partita tal-Italja se tintlagħab it-Tnejn u għalfejn mhux qabel dik tan-Norveġja.

Norman Saliba Kap tal-Marketing tal-MFA qal li ż-żewġ partiti se jkunu qed jibdew fit-8.45 p.m. u l-istadium nazzjonali se jiftaħ fis-6.30 p.m.

Huwa qal li sakemm ikunu għadhom ma nbiegħux kollha, l-biljetti li se jibqgħu jinbiegħu mill-ħwienet awtorizzati u minn Ta’ Qali stess qabel il-partiti għalkemm sostna li għall-partita kontra l-Italja l-Millennium Stand hi mibjugħa kollha u fadal biss ftit biljetti fin-North u s-South Stand kif ukoll fil-West A u l-West C. Huwa fakkar ukoll biex dawk li xtraw il-biljetti mill-internet irid ikollhom kopja stampata tal-biljett.

Qal li t-toroq f’Ta’ Qali madwar l-istadium nazzjonali se jkunu magħluqin għat-traffiku dakinhar tal-partita u għal-logħba kontra l-Italja saħansitra minn ġurnata qabel.

Semma wkoll li se tkun qed terġa’ ssir il-Fan Zone fl-MFCC li se toffri wkoll spettaklu waqt li qal li anke fl-istadium nazzjonali se jkunu qed isiru attivitajiet ta’ spettaklu qabel il-partita.

Ghedin isejjaħ it-23 finali
Intant ilbieraħ filgħaxija l-kowċ Nazzjonali Pietro Ghedin sejjaħ l-iskwadra finali fejn żamm 23 plejer u neħħa biss lil Edward Herrera ta’ B’Kara u lil Llywelyn Cremona ta’ Valletta.

Għalhekk l-iskwadra finali hija din>

Gowlkipers: J. Haber (B’Kara), A. Hogg (Lekanopedio), N. Vella (Valletta)
Difensuri: A. Agius (Hibs), S. Bezzina (Balzan), R. Briffa (Valletta), C. Gatt Baldacchino (Sliema), R. Camilleri (Valletta), C. Failla (Hibs), J. Grioli (Balzan), Z. Muscat (B’Kara)
Midfielders: A. Cohen (Hibs), P. Fenech (B’Kara), R. Fenech (Valletta), B. Kristensen (Hibs), J. Mintoff (Sliema), R. Muscat (Dunaujvaros), S. Pisani (Floriana), A. Scembri (FSV Frankfurt), R. Scilcuna (B’Kara)
Attakkanti: M. Mifsud (Sliema), JP Farrugia (S. Trnava), T. Vella (Naxxar L.)